Kmieni dalgħodu, l-E.T. Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta, ħalliet pajjiżna għal Londra, fejn fost l-oħrajn se tiltaqa’ mal-pazjenti Maltin li qed jingħataw it-trattament għall-kanċer u mard ieħor.
Matul iż-żjara tagħha, il-President se żżur ir-Royal Marsden Sutton Hospital, ir-Royal Free Hospital, il-Great Ormond Street Hospital, il-King’s College Hospital u s-St. Bartholemew Hospital, li lkoll qed jospitaw pazjenti Maltin għat-trattament.
Il-President se tiltaqa’ wkoll mas-Sorijiet Franġiskani li jassistu u jospitaw il-pazjenti Maltin f’Londra, u mal-uffiċjali tal-Fondazzjoni Puttinu Cares. Il-President Spiteri Debono se tattendi quddiesa flimkien mal-pazjenti u l-qraba tagħhom li jinsabu fl-appartamenti ta’ Puttinu Cares f’Londra.
Il-programm uffiċjali tal-President f’Londra jinkludi wkoll attività mad-dijaspora Maltija fir-Renju Unit, organizzata mill-Kummissjoni Għolja ta’ Malta għar-Renju Unit.
Matul din iż-żjara, il-President se tkun akkumpanjata minn uffiċjali tal-Presidenza, kif ukoll uffiċjali tal-Malta Community Chest Fund.
Minn Londra, nhar il-Ħadd 2 ta’ Novembru, il-President u delegazzjoni ta’ uffiċjali tal-Presidenza jivvjaġġaw lejn Strasburgu, għal sensiela ta’ attivitajiet organizzati mir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-75 anniversarju tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Fi Strasburgu, il-President ta’ Malta se jkollha laqgħa bilaterali ma’ Mattias Guyomar, il-President tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, qabel tindirizza lil din il-Qorti.
L-Eċċellenza Tagħha se tinawgura wkoll il-Malta Lounge fi ħdan il-European Youth Centre, u se tattendi għal kunċert tal-opra organizzat mir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa, fl-Opéra national du Rhin, bis-sehem tat-tenur Malti Joseph Calleja, il-vjolinist Carmine Lauri u diversi artisti oħra.
Il-President Myriam Spiteri Debono mistennija tirritorna Malta nhar l-Erbgħa 5 ta’ Novembru. Waqt iż-żjara tal-President barra minn Malta, Dott. Helena Dalli se sservi bħala l-Aġent President.