L-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, kellha żjara ta’ korteżija fil-Palazz ta’ Sant’Anton mill-membri tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra.
Wara emenda fl-att tal-liġi XX 2011 li jirregola l-Kunsill, il-membri fi ħdanu, minn 15-il Kunsillier żdiedu għal 21, u għalhekk għall-ewwel darba hemm rappreżentanza tad-dijaspora Maltija minn kull kontinent dinji. Huma jinsabu f’pajjiżna għas-17-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill.
Fil-laqgħa li kellha magħhom il-Ħamis filgħodu, il-President ta’ Malta nnotat kif il-membri tal-Kunsill, residenti f’pajjiżi varji, huma ġejjin minn oqsma diversi, fosthom mis-settur tal-edukazzjoni, tal-farmaċija, tal-mediċina, tan-negozju, tal-isport, mill-qasam legali, mill-industrija bankarja u anke dak tal-arti.
F’messaġġ li qasmet magħhom, l-E.T. appellat lill-membri sabiex f’ħidmiethom iżommu ħajja u b’saħħitha, ir-rabta bejn Malta u d-Dijaspora fil-pajjiżi rispettivi. Il-President innotat li ħafna mill-Maltin li jgħixu barra minn Malta, kemm dawk li twieldu f’Malta u dixxendenti tagħhom, għadhom iħobbu l-ilsien Malti, u jikkoperaw f’inizjattivi biex il-kultura, it-tradizzjonijiet u l-valuri Maltin jibqgħu ħajjin anke kilometri ’l bogħod minn artna.
F’diskussjoni li saret, il-membri tal-Kunsill qasmu mal-President numru ta’ sitwazzjonijiet li jiltaqgħu magħhom fil-pajjiżi rispettivi li jgħixu fihom, u appellatilhom sabiex meta jiltaqgħu, flimkien jiddiskutu u jittrattaw problemi komuni.
Il-President aċċenat għall-fatt li isem Malta għandu reputazzjoni tajba ferm fuq livell internazzjonali, dan grazzi wkoll fost raġunijiet oħra, għall-isem tajjeb illi l-Maltin li għamlu futur barra minn xtutna għandhom, u ta’ dan irringrazzjathom
F’intervent li għamlet, id-Direttur għas-Servizzi Konsulari u l-Maltin li Jgħixu Barra, s-Sa Chirelle Ellul Sciberras, tkellmet dwar id-diskussjoni u l-ħidma li ssir, sabiex it-talbiet li jagħmlu l-Maltin residenti barra minn xtutna, jiġu indirizzati. Hija qalet ukoll kif waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali, ġie deċiż li jinħolqu sottokumitati sabiex jiġu indirizzati numru ta’ kwistjonijiet ta’ nteress għad-dijaspora Maltija.
Fost l-oħrajn, jorbot ma’ dan, hemm it-tnedija ta’ skema għal żgħażagħ ta’ bejn it-18 u t-30 sena li jgħixu barra u għandhom dixxendenza Maltija, biex dawn ikunu jistgħu japplikaw għal Viża f’Malta għal skop ta’ xogħol u vaganza, fl-istess waqt li jesploraw l-għeruq tagħhom f’pajjiżna.
Il-membri tal-Kunsill li attendew huma:
- Is-Sur Joseph A. Xerri – Segretarju
- Is-Sinjura Amie Cardona – L-Istat ta’ Victoria, l-Awstralia
- Is-Sinjura Judith Buhagiar – L-Istat ta’ Victoria, l-Awstralja
- Is-Sur Antoine Mangion – L-Istat ta’ New South Wales, :-Awstralja
- Is-Sinjura Miriam Friggieri – L-Istat ta’ New South Wales, l-Awstralja
- Is-Sinjura Alexandra Micallef – L-Awstralja
- Dr Edgar Brincat – Ir-Renju Unit
- Is-Sur James N. Casha – Ir-Renju Unit
- Dr Loredana Gatt – L-Italja
- Is-Sinjura Sarah Meli – Il-Kanada
- Is-Sinjura Giselle Sherri-Migliore – Il-Kanada
- Is-Sur Bernard Portelli – L-Ażja
- Is-Sur Philip Mamo – L-Afrika ta’ Fuq
- Is-Sur Matthew Ciantar – L-Ewropa (minbarra Malta)
- Is-Sur Umberto D’Amico – L-Ewrope (minbarra Malta)
- Is-Sur David Galea – L-Emirati Għarab Magħquda
- Is-Sinjura Doreen Gatt – Il-Kanada
- Is-Sinjura Debbie Gatt Ghiglieri – L-Istati Uniti tal-Amerika
Preżenti għal din iż-żjara ta’ korteżija kien hemm ukoll it-tim tad-Dipartiment immexxi mis-Sa Chirelle Ellul Sciberras u l-Koordinatur fi ħdan l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Dr. Rachel Powell.