Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President tħalli Malta għal Londra fej n se tiltaqa’ mal-pazjenti Maltin

L-Erbgħa filgħodu, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono ħalliet Malta għal żjara uffiċjali fir-Renju Unit.
Fil-qofol tal-impenji tagħha, il-President ta’ Malta se tiltaqa’ mal-pazjenti Maltin li qed jirċievu l-kura fi sptarijiet f’Londra, kif ukoll il-qraba tagħhom li qed jakkumpanjawhom matul dan il-vjaġġ diffiċli.
Fi tlett’ijiem, l-Eċċellenza Tagħha se jkollha diversi impenji, fosthom żjarat l-isptarijiet Great Ormond Street Hospital for Children u r-Royal Marsden Hospital Sutton, li lkoll qed jospitaw pazjenti Maltin.
Il-President ta’ Malta se tiltaqa’ wkoll mas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesu u s-Sorijiet Agostinjani, u se żżur l-appartamenti ta’ Puttinu Cares f’Sutton; entitajiet li flimkien mal-Malta Community Chest Fund jassistu lill-pazjenti Maltin u qrabathom waqt li jkunu fir-Renju Unit.
Għal dawn iż-żjarat, il-President ta’ Malta se tkun akkumpanjata mill-Ministru tas-Saħħa, l-Onorevoli Ian Borg, kif ukoll uffiċjali tal-Malta Community Chest Fund.
L-Erbgħa filgħaxija, l-Eċċellenza Tagħha ser tkun preżenti għal attività organizzata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fil-binja storika ta’ Cutlers Hall, f’Warwick Lane fejn ser tindirizza lil dawk preżenti. L-attività tiġbor flimkien lil uħud mill-aktar imsieħba importanti tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li joperaw fir-Renju Unit, kif ukoll operaturi Maltin li qed jipparteċipaw fil-World Travel Market, waħda mill-akbar u l-aktar wirjiet turistiċi importanti fid-dinja li għaddejja fl-istess żmien f’Londra.
L-Eċċellenza Tagħha mistennija tirritorna Malta fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt. Sakemm il-President ta’ Malta tkun barra mill-pajjiż, Dr. Helena Dalli se sservi bħala Aġent President.
President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.