Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

It-tfal li jattendu l-klabb Optimist ta’ Malta jżuru l-Palazz ta’ Sant’Anton

 

Il-Ħamis, grupp ta’ tfal li jattendu ċ-ċentri tal-Optimist Club of Malta kellhom l-opportunità li jżuru l-Palazz ta’ Sant’Anton għal laqgħa mal-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono.
Akkumpanjati mit-tmexxija ta’ dawn iċ-ċentri, kif ukoll żgħażagħ voluntiera, diversi tfal preżenti kellmu individwalment lill-President dwar il-problemi personali tagħhom.
Rita Micallef, Segretarja tal-Optimist Club of Malta, fissret iż-żjara fil-Palazz ta’ Sant’Anton bħala waħda li “ser isservi ta’ ġid kbir għat-tfal għax raw li għalkemm il-President ta’ Malta għandha pożizzjoni għolja fis-soċjetà Maltija, hija bniedma li tieqaf biex tisma’ u tara l-problemi individwali li kellmuha dwarhom uħud mit-tfal.”
L-Optimist Club of Malta hi għaqda volontarja li twaqqfet fl-2021 biex tgħin tfal ħalli wara l-ħin tal-iskola jagħmlu l-homework u jistudjaw f’ambjent komdu, kif ukoll jipparteċipaw f’logħob edukattiv, krafts u sessjonijiet ta’ qari.
It-tfal li żaru l-Palazz tal-President, kemm Maltin kif ukoll oħrajn li ġejjin minn familji li kellhom iħallu pajjiżhom, huma parti mill-proġett ‘Ikber Magħna Sajf’ tal-Optimist Club of Malta.
Dan il-proġett jilqa’ fih madwar 100 tifel u tifla ta’ etajiet bejn is-seba’ u l-għaxar snin minn seba’ lokalitajiet differenti: il-Birgu, il-Ħamrun, l-Imsida, Raħal Ġdid, il-Marsa, il-Belt Valletta u s-Swieqi. Il-proġett huwa kollu mingħajr ħlas u matulu t-tfal ikollhom attivitajiet varji, fosthom sessjonijiet ta’ tpinġija, ħruġ u sessjonijiet ta’ logħob u krafts.
Bħalissa, l-Optimist Club of Malta għaddej b’ħidma biex jiftaħ it-tmien ċentru tiegħu f’Malta, u t-tmexxija spjegat li dejjem hemm il-bżonn ta’ iktar voluntiera biex jingħaqdu mal-voluntiera żgħażagħ li diġà qegħdin jgħinu fil-ħidma.
Il-President faħħret il-ħidma tal-Optimist Club of Malta, irringrazzjat lit-tmexxija u partikolarment lill-voluntiera li huma kollha żgħażagħ, u enfasizzat l-importanza ta’ dawn l-organizzazzjonijiet li huma ta’ sapport għall-familji.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.