Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

It-tieni edizzjoni ta’ The 10km L-istrina Palace Run se ssir fl-14 ta’ Ġunju

It-tieni edizzjoni ta’ The 10km L-istrina Palace Run b’risq il-Malta Community Chest Fund se ssir fl-14 ta’ Ġunju.

Wara li l-ewwel edizzjoni tas-sena li għaddiet għaqqdet il-Kastell Verdala mal-Palazz ta’ Sant’Anton, l-edizzjoni ta’ din is-sena se tieħu lill-parteċipanti matul rotta ta’ 10 kilometri mill-Palazz ta’ Sant’Anton sal-Palazz tal-President fil-Belt Valletta.

Dettalji dwar din l-attività ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz ta’ Sant’Anton, li matulha l-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono rringrazzjat lil dawk kollha li permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom qed jgħinu lill-Malta Community Chest Fund biex tkompli tassisti lil dawk kollha li jiġu bżonn l-għajnuna tagħha.

Il-President ta’ Malta fissret kif il-Malta Community Chest Fund tirċievi talbiet għall-għajnuna matul is-sena kollha, u li t-talbiet jirriflettu wkoll kundizzjonijiet u mard li dejjem jiżdied u jinbidel. Qalet li hu għalhekk li l-Malta Community Chest Fund, li tgħin lil dawk kollha li jirrikorru għandha, teħtieġ fondi matul is-sena kollha u l-bżonnijiet ikomplu jikbru sena wara l-oħra.

Il-Maġġur Richard Vassallo, li ħareġ b’din l-inizjattiva, tkellem dwar kif l-idea bdiet mix-xewqa tal-atleti li jkollhom attività oħra, minbarra l-Mixja tal-President, li fiha jistgħu jipparteċipaw u fl-istess waqt iħossu s-sodisfazzjoni li qed jgħinu lill-Malta Community Chest Fund.

Spjega kif wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni, The 10km L-istrina Palace Run issa daħlet ukoll fil-kalendarju tal-atletika Maltija, u esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-interess u l-konkorrenza mill-atleti.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll minn Joe Micallef, l-organizzatur ewlieni ta’ The Malta Marathon li qed jikkordina wkoll din l-edizzjoni ta’ The 10km L-istrina Palace Run.

Hu tkellem dwar il-konkorrenza inkoraġġanti fl-edizzjoni ta’ din is-sena, li mistennija tkompli tibni fuq is-suċċess tal-ġirja tas-sena li għaddiet, li matulha ħadu sehem kważi 800 persuna. Micallef fakkar li din l-attività mhix biss għal atleti professjonali, u ħeġġeġ lil dawk kollha li jħobbu l-ġiri anke bħala passatemp, biex jipparteċipaw.

Il-biljetti għal The 10km L-istrina Palace Run b’risq il-Malta Community Chest Fund jinsabu disponibbli fuq is-sit maltamarathon.com.

The 10km L-istrina Palace Run qed issir bl-appoġġ ta’ diversi entitajiet tal-forzi dixxiplinari Maltin, fosthom il-Korp tal-Pulizija, il-Forzi Armati ta’ Malta, LESA u Transport Malta, kif ukoll l-entitajiet kummerċjali Eurosport, Social Causes Fund, Fort Fitness, The Farsons Foundation, MCP Car Park u Star Fruit Limited.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.