Ambaxxatur u Kummissarju Għoli, it-tnejn residenti Malta, u Ambaxxatur mhux residenti, ippreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta.
Dawn huma:
L-Eċċellenza Tiegħu Barkın Kayaoğlu, Ambaxxatur għar-Repubblika tat-Turkija, residenti Malta;
L-Eċċellenza Tagħha Rachita Bhandari, Kummissarju Għoli għar-Repubblika tal-Indja, residenti Malta;
u
L-Eċċellenza Tiegħu Winston Spadafora Franco, Ambaxxatur għar-Repubblika tal-Panama, mhux residenti Malta.
Waqt il-laqgħa mal-Ambaxxatur ġdid tat-Turkija, l-E.T. Myriam Spiteri Debono esprimiet il-gratitudni tagħha f’isem il-poplu Malti għall-intervent diplomatiku mit-Turkija li għin sabiex pajjiżna jkollu provvista kostanti tal-kimika li tintuża għall-kura tal-kanċer fl-Isptar tal-Onkoloġija.
Id-diskussjoni bejniethom iffukat ukoll dwar ir-relazzjoni soda bejn Malta u t-Turkija, fosthom fil-qasam tan-negozju, u kif din tista’ tkompli tissaħħaħ permezz ta’ ftehimiet ġodda li jistgħu jsiru ‘l quddiem. Dwar it-taqlib fix-xena internazzjonali ġie nnutat li Malta u t-Turkija t-tnejn huma fuq quddiem sabiex iwasslu messaġġ wieħed favur id-djalogu u l-paċi dejjiema.
Fil-laqgħa mal-Kummissarju Għoli ġdida għall-Indja, il-President Spiteri Debono nnutat ir-relazzjoni dejjem tikber bejn iż-żewġ pajjiżi u kif riċentement bdiet l-esportazzjoni minn Malta lejn l-Indja ta’ ikel u xorb Malti. Saret referenza għall-preżenza ta’ investiment sostanzjali f’Malta minn intraprendituri Indjani.
Waqt id-diskussjoni ż-żewġ naħat qablu wkoll li lesti jfittxu aktar oqsma ta’ kooperazzjoni bejniethom għaż-żmien li ġej.
Matul il-laqgħa mal-Ambaxxatur ġdid mhux residenti għall-Panama, ġie nnutat kif iż-żewġ pajjiżi jistgħu jfittxu aktar kooperazzjoni bejniethom fl-oqsma tal-marittimu u l-edukazzjoni, b’mod partikolari fejn jidħol l-Istitut Internazzjonali tal-Liġi Marittima, l-IMLI.
L-E.T. Myriam Spiteri Debono awgurat lit-tlieta li huma għal din il-ħatra ġdida.