Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

L-attività b’risq il-MCCF, “Il-Mixja tal-President”, se ssir fit-30 ta’ Novembru 2025

L-attività nazzjonali b’risq il-Malta Community Chest Fund, “Il-Mixja tal-President”, din is-sena se ssir il-Ħadd, 30 ta’ Novembru.The national fundraising activity in aid of the Malta Community Chest Fund, ‘Il-Mixja tal-President’, will take place on Sunday, 30th November 2025.

It-tluq se jkun minn żewġ postijiet, mill-Palazz ta’ Sant’Anton, Ħ’Attard u mill-Pjazza ta’ Raħal Ġdid fid-9:15am. Minn hemm imbagħad il-parteċipanti jiltaqgħu Blata l-Bajda sabiex flimkien jimxu lejn il-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta.

Dawn id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop u li kienet indirizzata mill-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, akkumpanjata mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Justin Schembri, is-Sur Mark Cutajar, Kap Eżekuttiv ta’ Sports Malta, is-Sur Kevin Chircop, Chairman Eżekuttiv tal-isponsor ewlieni Enemed u s-Sur Melvin Bugeja, mill-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda.

Fid-diskors tagħha, il-President ta’ Malta bdiet billi rringrazzjat lil dawk kollha involuti fl-organizzazzjoni ta’ din l-attività, li tiġbor l-appoġġ ta’ kulħadd. Fil-preżenza ta’ numru ta’ tfal tal-iskola, li kienu preżenti fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop, hija saħqet fuq l-importanza li l-ġenerazzjonijiet żgħar ikunu attivi fiżikament għal saħħithom u inkoraġġiethom biex permezz tal-isport, li dehru tant hu għal qalbhom, jgħinu wkoll lil dawk fil-bżonn.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Clifton Grima ddeskriva din l-attività bħala ċelebrazzjoni ta’ kollaborazzjoni, volontarjat, għaqda, solidarjetà u ġenerożità, li huma l-akbar valuri tal-poplu Malti.

Justin Schembri tenna li attivitajiet bħal dawn iwasslu messaġġ pożittiv favur dawk li jeħtiġilhom l-għajnuna.

Din is-sena wkoll l-attività se tara l-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ baned li minn ħdejn il-Parlament se jakkumpanjaw lil dawk preżenti lejn Pjazza San Ġorġ. Fil-fatt is-Sur Melvin Bugeja nnota kif f’attività bħal din qed jingħaqdu ma’ xulxin u joħroġ l-ispirtu ta’ solidarjetà tagħna l-Maltin u l-Għawdxin.

Is-Sur Kevin Chircop tkellem dwar l-importanza li kumpaniji privati jingħaqdu ma’ xulxin għal għan wieħed favur il-vulnerabbli. Huwa qal illi l-Presidenza mhux mixja waħda tagħmel iżda timxi ma’ kull min ikollu bżonn l-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund.

Filwaqt li spjega l-loġistika tal-attività, is-Sur Mark Cutajar, appella lin-nies li se jipparteċipaw sabiex permezz ta’ donazzjoni €10 b’risq il-Malta Community Chest Fund jiġbru l-flokk tal-okkażjoni minn wieħed mill-Uffiċini tal-Malta Community Chest Fund, fil-Palazz ta’ Sant’Anton, tal-Belt Valletta jew ta’ Għawdex, mingħand il-Eurosport jew f’waħda mill-faċilitajiet ta’ Sport Malta. Is-Sur Cutajar innota illi din is-sena l-“Mixja tal-President” qiegħda tgħaqqad flimkien l-isport u l-kultura.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.