Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

Titnieda l-wirja ‘Ir-Repubblika ta’ Malta: L-Ewwel Ħamsin Sena, 1974-2024’

Tnediet il-wirja bl-isem ‘Ir-Repubblika ta’ Malta: L-Ewwel Ħamsin Sena, 1974-2024’, fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta, li tfakkar il-ħames deċenji tal-vjaġġ tan-nazzjon bħala Repubblika. Il-wirja se tibqa’ għaddejja sa Marzu li ġej.

Ospitata fl-Uċċelliera tal-Palazz – li qabel kienet l-ispazju fejn il-gran mastri żammew għasafar eżotiċi għad-divertiment tagħhom, u llum b’mod xieraq hija sala ddedikata lir-Repubblika ta’ Malta, il-wirja fiha kollezzjoni rikka ta’ dokumenti, artifatti, u wirjiet multimedjali li jesploraw it-tħabit ta’ Malta għall-awtodeterminazzjoni – b’evoluzzjoni minn poplu mmexxi minn potenzi barranin għal poplu b’rajh f’idejh, u l-kisbiet ta’ Malta bħala stat sovran.

Din il-wirja mumentuża ġiet inawgurata waqt ċerimonja uffiċjali, b’mistednin distinti fosthom mexxejja nazzjonali u rappreżentanti ta’ Heritage Malta. Il-wirja tenfasizza wkoll l-irwol ċentrali tal-Presidenza fil-ħarsien tad-demokrazija u fit-trawwim tal-għaqda.

Fid-diskors tagħha, il-President tar-Repubblika Myriam Spiteri Debono fissret ir-Repubblika bħala “simbolu ta’ ġens u poplu li fih qed iġorr id-dehen li akkumulaw missirijietna tul sekli sħaħ”.

Waqt li qalet li din il-wirja tagħmel ġieħ lill-Maltin bħala ġens, il-President aċċennat l-importanza ta’ iktar edukazzjoni ċivika biex fit-tfal “jitnissel apprezzament qawwi ta’ xi tfisser li pajjiżek ikun Repubblika, li jkun ta’ niesek u li f’pajjiżek tagħżel int min imexxik u kif tmexxih ’il quddiem”.

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser il-kisba kostituzzjonali tar-Repubblika bħala parti mill-qofol ta’ dik li hi Malta. Hu u jikkwota mill-ogħla liġi ta’ pajjiżna, il-Kostituzzjoni, Dr Abela sostna li Malta hija Repubblika demokratika bbażata fuq ix-xogħol u fuq ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwu. Qal li l-President tar-Repubblika ta’ Malta jirrappreżenta l-għaqda nazzjonali. “Pajjiżna rnexxielu jagħmel kisbiet kbar meta kien magħqud”, saħaq il-Prim Ministru hu u jinnota riformi kbar li twettqu mill-Gvern fl-aħħar snin fosthom dwar kif jinħatar il-Kap tal-Istat Malti. Il-Prim Ministru żied jgħid li ħamsin sena ilu konna għadna bin-nefqa tal-Gvern Ingliż fil-bażi militari li kellu f’pajjiżna. Issa rridu mmorru għall-pass li jmiss, dak li nagħmlu qabża ta’ kwalità fl-aqwa opportunitajiet li nistgħu noħolqu, partikolarment għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Huwa temm l-indirizz tiegħu dwar l-importanza meħtieġa tal-ħarsien tal-identità tagħna u rrimarka għall-ħidma importanti li twettaq Heritage Malta li tfakkar il-kisbiet u l-istorja tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici rrimarka kif qed infakkru 50 sena minn meta Malta saret Repubblika, mument storiku fejn il-poplu Malti kiseb l-awtonomija sħiħa fuq id-destin tiegħu. “Dawn il-ħamsin sena mmarkaw vjaġġ ta’ kisbiet kbar għall-pajjiż, mibnija fuq il-vizjoni ta’ tmexxija b’saħħitha u r-reżiljenza tal-Maltin u l-Għawdxin”, sostna Dr Bonnici. Il-Ministru Bonnici qal, “Dan il-mument storiku kien parti minn sensiela ta’ avvenimenti ewlenin: l-Indipendenza, ir-Repubblika, il-Ħelsien, u l- Unjoni Ewropea. Kull wieħed minn dawn il-passi kien ir-riżultat ta’ ħidma kollettiva u sagrifiċċju.”

“Filwaqt li nħarsu lejn dawn il-ħamsin sena bi kburija, huwa dmirna li nkomplu nibnu fuq dan il-wirt sabiex nagħtu futur aħjar lil uliedna, grazzi mill-qalb lil kull min ħadem biex dan il-vjaġġ ikun suċċess”, temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Mario Cutajar, Chairman ta’ Heritage Malta, saħaq li, “Din ir-repubblika ċkejkna hija waħda bbażata fuq ix-xogħol, u x-xogħol isir min-nies. Dan l-anniversarju għandu jkun ċelebrazzjoni tal-Maltin, li matul dawn il-50 sena biddilna pajjiżna. Din il-wirja tagħti ġieħ lill-Maltin ta’ kull żmien li żammew tnemnem il-ħeġġa biex pajjiżna jkollu rajh f’idejh u li ħolmu l-pajjiż li għandna llum. Hija togħma ċkejkna tal-mod ieħor kif għandha tiġi rrakkuntata l-istorja tagħna, lil hinn mill-prinċpijiet u l-irġejjen”.

Noel Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, irrimarka, “Din il-wirja toffri ħarsa profonda lejn ir-reżiljenza u d-determinazzjoni ta l-poplu Malti. Isservi bħala tfakkira tal-istorja u l-aspirazzjonijiet komuni tagħna filwaqt li tonora l-viżjoni u l-għaqda li jkomplu jsawru n-nazzjon tagħna. Aħna kburin li qed nippreżentaw din l-esperjenza immersiva li tgħaqqad liċ-ċittadini mal-għeruq tad-demokrazija tagħna u l-mumenti kruċjali li jiddefinixxu lil Malta llum.”

Ktieb komplementari, bilingwi u illustrat huwa disponibbli wkoll għax-xiri. Id-dħul għall-wirja huwa inkluż fl-esperjenza tal-Palazz tal-Gran Mastru, li huwa kompletament aċċessibbli għal persuni bi sfidi ta’ mobilità.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.