Tliet Ambaxxaturi mhux residenti ppreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta.
Dawn huma:
- L-Eċċellenza Tiegħu Jorge Edmundo Uribe Pérez, Ambaxxatur għar-Repubblika tal-Ekwador
- L-Eċċellenza Tiegħu Junimart Girsang, tar-Repubblika tal-Indoneżja;
- L-Eċċellenza Tiegħu Daovy Vongxay, Ambaxxatur tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Laos.
Matul il-laqgħa, l-Ambaxxatur tal-Ekwador, sostna li r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi jinsabu fil-bidu tagħhom iżda għandhom potenzjal kbir għal kollaborazzjoni konkreta f’diversi oqsma.
Min-naħa tagħha, il-President irringrazzjat lill-Ambaxxatur għall-kollaborazzjoni mill-qrib li nibtet meta ż-żewġ pajjiżi servew bħala membri mhux permanenti fil-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda bejn l-2023 u l-2024.
Hija awgurat li jinbdew diskussjonijiet għal aktar kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fl-oqsma tal-konnettività, l-edukazzjoni u l-farmaċewtika.
Min-naħa tiegħu, l-Ambaxxatur tar-Repubblika tal-Indoneżja esprima x-xewqa li jissaħħu u jkomplu jiżviluppaw ir-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni potenzjali ma’ Malta.
L-E.T. il-President enfasizzat li ż-żewġ pajjiżi, bħala arċipelogi b’identità marittima qawwija, għandhom diversi oqsma komuni fejn jistgħu jikkollaboraw, b’mod partikolari fis-settur tan-negozju, l-edukazzjoni u l-iskambju bejn in-nies, kif ukoll fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni f’fora internazzjonali favur il-paċi, il-multilateraliżmu u r-rispett lejn il-liġi internazzjonali.
Matul il-laqgħa bejn l-Ambaxxatur tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Laos u l-E.T. il-President, iż-żewġ naħat esprimew id-determinazzjoni tagħhom li, fl-okkażjoni tal-ħmistax-il anniversarju tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u l-Laos, isir sforz biex tissaħaħ il-kooperazzjoni f’oqsma bħall-edukazzjoni, il-kultura u t-turiżmu, filwaqt li jkomplu jaħdmu flimkien fuq livell internazzjonali favur il-paċi, is-sigurtà u r-rispett lejn l-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli.
Il-President Myriam Spiteri Debono ferħet lill-Ambaxxaturi għall-ħatra tagħhom.