L-Uffiċċju tal-President ta’ Malta (OPR) jinsab infurmat b’numru ta’ paġni u profili foloz f’isem il-President Myriam Spiteri Debono, kemm fuq Facebook, X u Instagram.
Dawn il-paġni mhux biss qed jużaw isem il-President u ritratti tagħha, imma wkoll jużaw it-teknoloġija tal-intelliġenza artifiċjali biex jiġġeneraw filmati foloz li jattribwixxu kummenti lill-President.
L-Uffiċċju tal-President jiddiżassoċja lilu nnifsu minn kull kontenut li hu mmirat li jattira lin-nies biex jinvestu l-flus, b’mod speċjali crypto, li hu falz u jista’ jwassal biex iqarraq bin-nies.
Kull darba li l-OPR kien notifikat b’tali profili u konenut fuq il-media soċjali, saru rapport lill-awtoritajiet b’talba biex tittieħed kull azzjoni neċessarja.
L-Uffiċċju tal-President jirringrazzja lil dawk kollha li jinnotifikawh b’każi simili ta’ qerq fuq il-media soċjali, u jħeġġeġ lil kulħadd biex ikun viġilanti u jevita li jisfa vittma.
Dan l-Uffiċċju jinforma wkoll li l-uniċi paġni uffiċjali tal-President Myriam Spiteri Debono huma https://www.facebook.com/MyriamSpiteriDebono fuq Facebook, https://www.instagram.com/president_mt/ fuq Instagram, u https://x.com/president_mt fuq X.