President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Diskors mill-President waqt kommemorazzjoni tal-Vitorja fix-Xagħra

Ingħaqadna flimkien illum biex infakkru din il-festa tant għal qalb il-Maltin u l-Għawdxin, Jum il-Vitorja.

Il-Vitorja tiġbor fiha t-tifkira ta’ tlett ġrajjiet importanti fl-istorja ta’ pajjiżna – l-Assedju l-Kbir tal-1565, l-Imblokk tal-Franċiżi u l-Assedju tat-Tieni Gwerra Dinjija.

 Dawn it-tlett ġrajjiet kienu mumenti importanti fl-istorja ta’ pajjiżna għaliex f’kull wieħed minn dawn l-avvenimenti, mijiet ta’ Maltin u Għawdxin issagrifikaw ħajjithom biex jiddefendu lil ġensna.

L-avvenimenti li seħħew f’dawn l-epoki differenti dejjem wasslu għal tibdiliet kbar fl-istorja politika u soċjali ta’ gżiritna.

Tul l-istorja, Jum il-Vitorja ġie ċċelebrat bħala eżaltazzjoni ta’ realtà storika u ċivili, li tfakkarna fis-sagrifiċċji, qlubija u reżiljenza ta’ ommijietna u missirijietna, iżda fuq kollox biex ifakkarna fil-lealtà li għandu jkollna lejn pajjiżna.

Il-preżenza ta’ figuri Maltin fit-tlett episodji li qed infakkru llum, mhux dejjem kienet ikonoxxuta.  Il-Maltin fil-parti l-kbira tal-perkors storiku ta’ pajjiżna maħkum mill-barrani, u għalhekk l-istorja mhux dejjem irrikonoxxiet il-kontribut tagħhom.

Anzi, jekk wieħed jagħti daqqa t’għajn lejn il-paġni tal-istorja li jitkellmu dwar l-episodji marbuta ma’ dawn l-avvenimenti, dejjem naraw il-figura tal-barrani bħala l-protagonist ewlieni tar-rebħa.

Insemmu  lil Toni Bajada fi żmien l-Assedju l-Kbir, lil Dun Mikiel Xerri u fit-Tieni Gwerra Dinjija, anke l-qlubija tal-poplu malti bħala poplu ġiet rikonoxxuta mill-Monarkija bil-George Cross. 

Kien il-poplu Malti, fil-kollettiv tiegħu, ta sehmu bis-sħiħ biex, mit-tifrik li ġab miegħu l-agħar serje ta’ bumbardamenti li esperjenza pajjiżna fost il-pajjiżi kollha milquta mill-Gwerra, l-Ewropa ma taqax taħt il-forzi Nażisti u Faxxisti.

Minbarra l-aspett storiku ta’ dawn it-tlett avvenimenti, storikament għaqqadna din it-tifkira tal-Assedji mal-aspett reliġjuż.

Irridu nammettu li minħabba l-influwenza tar-reliġjon, il-poplu tagħna qisu dejjem kellu ħabta jgħaqqad l-avvenimenti ċivili u storiċi ma aspetti reliġjużi – kważi kważi qisu jdaħħal element mirakoluż fl-istorja.

Minħabba d-daqs ta’ pajjiżna, il-poplu tagħna dejjem kien konxju mill-vulnerabilità tiegħu, u mill-fatt li aħna ma tantx għandna riżorsi.

Irridu nieħdu ħsieb l-aqwa riżors li għandna, in-nies tagħna u l-ġenerazzjonijiet li qed inrabbu, għax importanti ħafna li ndaħħlu fihom, sens ta’ sagrifiċċju, lealtà u impenn, mhux biss lejn affarijiet kbar, għax irridu nibdew b’affarijiet żgħar u ta’ kuljum, biex f’pajjiżna dejjem innisslu mexxejja tajbin, għaliex il-mexxejja mhumiex biss l-ogħla awtoritajiet imma wkoll dawk fuq il-postijiet tax-xogħol.

Irridu nnisslu sens ta’ kollettività, u li kollha kemm aħna responsabbli li nkattru l-ġid lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Kull riproduzzjoni ta’ dan id-diskors teħtieġ permess minn qabel mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta. Jekk jogħġbok ikkuntattja l-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Pubbliċi fuq [email protected] u [email protected].

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.