Ingħaqadna flimkien illum biex infakkru din il-festa tant għal qalb il-Maltin u l-Għawdxin, Jum il-Vitorja.
Il-Vitorja tiġbor fiha t-tifkira ta’ tlett ġrajjiet importanti fl-istorja ta’ pajjiżna – l-Assedju l-Kbir tal-1565, l-Imblokk tal-Franċiżi u l-Assedju tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Dawn it-tlett ġrajjiet kienu mumenti importanti fl-istorja ta’ pajjiżna għaliex f’kull wieħed minn dawn l-avvenimenti, mijiet ta’ Maltin u Għawdxin issagrifikaw ħajjithom biex jiddefendu lil ġensna.
L-avvenimenti li seħħew f’dawn l-epoki differenti dejjem wasslu għal tibdiliet kbar fl-istorja politika u soċjali ta’ gżiritna.
Tul l-istorja, Jum il-Vitorja ġie ċċelebrat bħala eżaltazzjoni ta’ realtà storika u ċivili, li tfakkarna fis-sagrifiċċji, qlubija u reżiljenza ta’ ommijietna u missirijietna, iżda fuq kollox biex ifakkarna fil-lealtà li għandu jkollna lejn pajjiżna.
Il-preżenza ta’ figuri Maltin fit-tlett episodji li qed infakkru llum, mhux dejjem kienet ikonoxxuta. Il-Maltin fil-parti l-kbira tal-perkors storiku ta’ pajjiżna maħkum mill-barrani, u għalhekk l-istorja mhux dejjem irrikonoxxiet il-kontribut tagħhom.
Anzi, jekk wieħed jagħti daqqa t’għajn lejn il-paġni tal-istorja li jitkellmu dwar l-episodji marbuta ma’ dawn l-avvenimenti, dejjem naraw il-figura tal-barrani bħala l-protagonist ewlieni tar-rebħa.
Insemmu lil Toni Bajada fi żmien l-Assedju l-Kbir, lil Dun Mikiel Xerri u fit-Tieni Gwerra Dinjija, anke l-qlubija tal-poplu malti bħala poplu ġiet rikonoxxuta mill-Monarkija bil-George Cross.
Kien il-poplu Malti, fil-kollettiv tiegħu, ta sehmu bis-sħiħ biex, mit-tifrik li ġab miegħu l-agħar serje ta’ bumbardamenti li esperjenza pajjiżna fost il-pajjiżi kollha milquta mill-Gwerra, l-Ewropa ma taqax taħt il-forzi Nażisti u Faxxisti.
Minbarra l-aspett storiku ta’ dawn it-tlett avvenimenti, storikament għaqqadna din it-tifkira tal-Assedji mal-aspett reliġjuż.
Irridu nammettu li minħabba l-influwenza tar-reliġjon, il-poplu tagħna qisu dejjem kellu ħabta jgħaqqad l-avvenimenti ċivili u storiċi ma aspetti reliġjużi – kważi kważi qisu jdaħħal element mirakoluż fl-istorja.
Minħabba d-daqs ta’ pajjiżna, il-poplu tagħna dejjem kien konxju mill-vulnerabilità tiegħu, u mill-fatt li aħna ma tantx għandna riżorsi.
Irridu nieħdu ħsieb l-aqwa riżors li għandna, in-nies tagħna u l-ġenerazzjonijiet li qed inrabbu, għax importanti ħafna li ndaħħlu fihom, sens ta’ sagrifiċċju, lealtà u impenn, mhux biss lejn affarijiet kbar, għax irridu nibdew b’affarijiet żgħar u ta’ kuljum, biex f’pajjiżna dejjem innisslu mexxejja tajbin, għaliex il-mexxejja mhumiex biss l-ogħla awtoritajiet imma wkoll dawk fuq il-postijiet tax-xogħol.
Irridu nnisslu sens ta’ kollettività, u li kollha kemm aħna responsabbli li nkattru l-ġid lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.