Iltqajna hawn illejla għall-għoti tal-Premju Ġustizzja Soċjali, premju li jirrikonoxxi l-kontribut mogħti f’ħidma b’risq is-soċjetà, fil-komunitajiet tagħna minn organizzazzjonijiet u individwi f’setturi varji — liema setturi iżda, ilkoll flimkien, fl-aħħar mill-aħħar, jissenjalaw kif soċjetà tħares u tittratta lill-individwi li jiffurmawha.
Ninnota, b’sodisfazzjon kbir, kif din it-tema tal-lejla, ta’ ġustizzja soċjali, ġabret flimkien f’sala waħda, personaġġi li s-soltu narawhom biss preżenti lkoll flimkien f’ċelebrazzjonijiet tal-Istat, jew fil-Kamra tar-Rappreżentanti.
Din l-okkażjoni tagħtina opportunità nitfgħu l-lenti fuq kemm bħala nazzjon, ħaddimna dan il-prinċipju fl-operat tagħna – fit-tmexxija ta’ pajjiżna.
Fit-tmexxija, għal dak li jirrigwarda ġustizzja soċjali, l-isfida aħħarija dejjem hija kif, fl-aħħar mill-aħħar, dan il-kunċett ikun imsarraf f’azzjoni.
U f’dan ir-rigward, wieħed bilfors irid iħares lejn il-fatt li l-ġid għandu dimensjoni soċjali, fuq kollox, lejn ir-rikonoxximent tar-responsabbiltà lejn is-soċjetà nnifisha, ta’ min ikun fdat u jkollu f’idejh it-tqassim tal-ġid. Dan jgħodd sew fuq livell ta’ tmexxija, ta’ nazzjon u wkoll, sa ċertu punt, mil-lat individwali.
Ir-realtà f’kull każ iżda hija illi biex tqassam il-ġid, l-ewwel irid ikun hemm ħidma biex il-ġid ikun kreat.
Hawnhekk jidħol ukoll element ta’ twemmin – mhux qiegħda nirreferi għal twemmin reliġjuż, iżda, għal twemmin imsejjes fuq il-ġid komuni tal-umanità u l-universalità tal-applikazzjoni tal-kunċett tal-ġid komuni.
Fuq li s-soċjetà, fl-aħħar mill-aħħar, hija komunità ta’ individwi, li fil-bażiku trid tieħu ħsieb l-individwi, minn isfel għal fuq, biex is-soċjetà, bħala kollettività, tkun entità b’saħħitha.
Hemm rabta qawwija bejn id-drittijiet fundamentali tal-individwu, dawk illi huma protetti direttament bil-liġi u drittijiet soċjali. F’dan ir-rigward, jersqu aktar fuq quddiem, dawk id-drittijiet li jsemmi l-European Social Charter, kif rivedut fl-1996.
M’hemmx għalfejn ngħidu, illi dan jirrikjedi għaġna waħda ta’ rikonoxximent u kuxjenza, qlub u mħuħ li m’humiex konċernati biss fuq dak illi jolqot lilhom b’mod dirett, iżda konxji illi s-saħħa u l-forza tagħhom stess, tiddependi wkoll minn kemm ta’ madwarhom igawdu livell ta’ benesseri.
Biex dan iseħħ, l-ewwel irid ikun hemm poplu konxju tan-neċessità illi s-soċjetà li jgħix fiha tkun inklussiva, twennes u tissapportja, biex l-individwi, kull wieħed u kull waħda, jingħataw in-nifs kollu meħtieġ ħalli jkunu kapaċi jaħtfu l-opportunitajiet offruti u jilħqu l-milja tal-aspirazzjonijiet u t-talenti tagħhom.
B’hekk, ikunu wkoll aktar b’saħħithom biex jikkontribwixxu għall-kollettività soċjali. U jrid ikun hemm sinerġija bejn il-poplu konxju minn dan, u dawk fdati mill-poplu bit-tmexxija.
Konxji mill-piż li l-istess Kostituzzjoni tagħna tgħabbi u tirrakkomanda, amministrazzjonijiet diversi ta’ pajjiżna kienu gwidati mhux biss mir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwu, iżda wkoll gwidaw ruħhom, u f’ċerti oqsma marru oltre, mid-dikjarazzjoni ta’ Prinċipji fil-Kapitlu Tnejn (II) tal-Kostituzzjoni.
L-aħħar Artikolu ta’ dan il-Kapitolu jispeċifika li huma prinċipji fundamentali għall-iggvernar tal-pajjiż, u dan minkejja li mhumiex esegwibbli f’xi qorti.
Għalhekk irridu nirrikonoxxu li f’pajjiżna, il-kunċett tal-ġustizzja soċjali mexa ’l quddiem mill-evolviment bikri tiegħu li kien jikkonċerna id-distribuzzjoni tal-kapital, tax-xogħol, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Imxejna lejn stadji, fejn amministrazzjonijiet ta’ pajjiżna jniedu miżuri li joffru forċini lill-familji u setturi partikolari tas-soċjetà, u jwieżnu d-diffikultajiet ta’ min ikun irabbi, taż-żgħażagħ, tal-anzjani, setturi differenti — Setturi illi l-European Social Charter, li rreferejt għalih aktar ’il fuq, jirreferi għalihom u għall-bżonnijiet li jolqtuhom, b’mod partikolari, meta jsemmi l-housing, id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u dawk kulturali.
Iċ-Charter jorbothom ma’ bżonnijiet li l-istess individwi jiffaċċjaw f’perjodi u etajiet differenti ta ħajjithom.
Pajjiżna għandu struttura f’saħħitha ta’ wens u sapport, li huma aċċessibbli u inklussivi, il-benefiċċji soċjali, għajnuniet lil familji pensjonijiet, għajnuna biex kemm jista’ jkun, aktar u aktar nies, partikularment żgħażagħ, jagħmlu kuraġġ u jsiru sidien ta’ djarhom u fuq kollox, edukazzjoni u saħħa provduti b’xejn mill-Istat.
F’dan għadna nagħrfu l-impenn tal-mexxejja tagħna lejn soċjetà soċjalment ġusta. Dejjem jista’ jsir aktar!
Ħafna drabi, fil-preżent, oltre l-problemi settarji, il-ġustizzja soċjali qiegħda tkun mifruxa wkoll lejn kif inhuma milquta f’ħajjithom minoranzi, lejn dawk diskriminati, fil-marġini tas-soċjetà tagħna. Di fatti dawn il-gruppi huma fix-xifer ta’ kunċett pur ta’ ġustizzja soċjali, fil-qafas purament, soċjo-legali politiku tiegħu u hawnhekk qegħdin nersqu lejn l-isfera ta’ filantropija u volontarjat.
Filfatt, illejla onorajna il-fergħa Maltija ta’ organizzazzjoni b’ħidma umanitarja, imma mxerrda mal-globu, speċjalment f’żoni ta’ konflitti, u wkoll magħha, tlett individwi, ċittadini ta’ qalb kbira, illi għarfu jkabbru l-konfini personali tagħhom, billi ħaddnu magħhom individwi oħrajn fil-bżonnijiet u s-sapport li dawn l-individwi għandhom bżonn.
Il-ħidma tagħhom twessa’ l-kunċett ta’ ġustizzja soċjali, għaliex filfatt, din l-organizzazzjoni, u dawn it-tlett individwi, huma moventi ta’ kif tinfirex aktar ġustizzja soċjali fost individwi fl-ewwel livell tas-soċjetà, direttament fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies.
Iżda, b’mod ġenerali, l-filantropija u l-volontarjat ħafna drabi jirreaġixxi għas-sintomi ta’ nuqqasijiet ta’ ġustizzja soċjali ‘on the ground’. Hija struttura ta’ governanza bażata fuq liġijiet, policies, benefiċċji soċjali, aċċess għall-edukazzjoni u healthcare, kollha ntiżi biex isostnu ġustizzja soċjali mill-għeruq, li hija il-pedament ta’ soċjetà ġusta. Strutturi li jillimaw l-effetti ta’ diżugwaljanzi.
Fir-rigward ta’ ġustizzja soċjali f’pajjiżna ma nistgħux ninjoraw l-influwenza tal-Knisja tul iż-żmien ukoll fuq il-karattru tagħna l-Maltin, influwenza li riflessa ukoll fl-operat tat-tmexxija f’pajjiżna li aċċennajt għaliha aktar ’il fuq.
Fil-Knisja, lejn l-aħħar tas-seklu dsatax, bidu tas-seklu għoxrin, speċjalment fiż-żminijiet il-pontifikat tal-Papa Ljun Tlettax fil-Knisja kien hemm qabża, minn virtù’ ta’ karità nisranija, għal dmir soċjali li jġib miegħu il-ħolqien ta’ drittijiet, sostenji u kundizzjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar irridu jilħqu lill-individwi.
Ninnota illi Malta, kienet ukoll pijuniera tal-kunċett ta’ ġustizzja soċjali fl-isfera internazzjonali.
L-onorati tal-lejla huma xhieda illi sabiex kull ħlejqa umana tkun parti minn sistema mmexxija minn ġustizzja soċjali, kull wieħed u waħda għandu jħoss li s-sistema tħaddnu u tgħannqu.
B’xi mod is-soċjetà in ġenerali hija kollettivament responsabbli meta jkollha fostha min, għal kwalunkwe raġuni, jaqa’ barra mix-xibka soċjali, u wkoll dik legali, u għalhekk, jaqa’ l-piż fuq l-istess soċjetà li tipprovdi rimedji; l-individwu wkoll, skont il-limitazzjonijiet varji tiegħu, għandu responsabbiltà u għandu jimpurtah.
Hawnhekk jidħlu d-diversi organizzazzjonijiet u individwi li maż-żmien, b’mod dirett u indirett, daħlu b’impenn kważi missjunarju jidħlu biex itejbu l-ħajja ta’ ħaddieħor.
L-isforz li għamlu diversi individwi tul is-snin f’setturi bħal dawk tal-faqar, homelessness, diżabilità, inklużjoni, tfal u anzjani, kien importanti biex jiżdied l-għarfien u l-kuxjenza dwar problemi soċjali li qabel kienu tabù u kienu jinħbew, u għen ukoll biex l-individwi affetwati jkollhom ħajja aktar dinjituż.
Għalhekk, huwa dejjem importanti illi l-ħidma altruwista li timmanifesta qalb kbira ta’ individwi u nies li jsostnu l-organizzazzjonijiet ta’ wens, tkun rikonoxxuta.
Bl-inizjattiva tal-Onorevoli Ivan Bartolo ġie rikonoxxut il-kontribut tas-soċjetà tas-Salib l-Aħmar ta’ Malta, ta’ Fr Hilary Tagliaferro, Dr Kenneth Vella u Maria Vidal.
Dawn ġejjin minn angoli diversi tas-soċjetà tagħna, mill-qasam taż-żgħażagħ, tal-isport, tad-diżabilità, tal-edukazzjoni.
Element komuni fosthom huwa l-impenn tagħhom li jiżirgħu u jxerrdu l-ġid madwarhom.
Inħeġġeġ biex pajjiżna jibqa’ jkun ta’ tarka soċjali għal batut u ta’ sostenn b’saħħtu għal min jinsab f’diffikultajiet.
Nirringrazzja lill-Onorevoli Ivan Bartolo għall-impenn tiegħu, liċ-ċittadini li jinvolvu ruħhom f’ħidmiet a-benefiċċju tal-oħrajn u lill-Gvern u Oppożizzjoni, lill-Amministrazzjonijiet diversi ta’ pajjiżna, illi bit-tmexxija tagħhom, meta saħħew lill-individwi, u tejbu l-livell tal-għejxien, il-kundizzjonijiet tal-ħajja, partikularment tax-xogħol, u nfetħu l-orizzonti għall-ulied il-poplu, għollew lill-poplu tagħna ’l fuq b’mod u manjiera illi l-poplu llum huwa f’pożizzjoni illi dak li jkollu jista’ wkoll jaqsmu ma’ ħaddieħor —- u din narawha u mmissuha l-ħin kollu għax ġo pajjiżna, l-appelli għall-għajnuna, ma jaqgħux fuq widnejn torox. Il-poplu jismagħhom u joħroġ jgħin bi ħġaru.
Kull riproduzzjoni ta’ dan id-diskors teħtieġ permess minn qabel mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta. Jekk jogħġbok ikkuntattja l-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Pubbliċi fuq [email protected] u [email protected].