Qiegħdin nikkommemoraw illum il-ħamsa u sittin (65) anniversarju minn meta tnediet il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
Il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, il-metodu kif tinħatar l-irwol u l-funzjoni rakkomandattiva u dixxiplinarja, huma kostituzzjonalment regolati taħt kapitlu għaxra tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, il-Kapitlu dedikat lis-Servizz Pubbliku.
Ma’ kapitolu għaxra tal-Kostituzzjoni għandu mportanza wkoll l-artikolu tlieta tal-leġislazzjoni sussidjarja għall-kostituzzjoni (KOST 0.1), l-avviż legali tal-2015 intitolat Regolamenti Ġenerali tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Dan l-artikolu tlieta, fis-subartikoli (a) u (b), jittratta l-linji gwida tal-Kummissjoni fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħha u fl-istess waqt, jitfa’ l-lenti fuq l-għanijiet prinċipali tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
L-artikolu tlieta, sub-artikolu (a), jiddikjara illi l-Kummissjoni “tfittex li żżomm standard għoli, ta’ kompetenza, effiċjenza u integrità, fis-Servizz Pubbliku, u (b) tħares il-prinċipji tal-ġustizzja, ekwità, mertu, ugwaljanza ta’ opportunitajiet, imparzjalità u libertà minn diskriminazzjoni, patroċinju jew favoritiżmu.” Niggarantilkom li taqta’ nifsek tgħidhom waħda wara l-oħra tant fihom piż.
Il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, tifforma parti minn kategorija ta’ istituzzjonijiet, li flimkien, fi stat demokratiku, iħarsu kwalità għolja ta’ governanza u kontabilità. Magħhom hemm kummissjonijiet oħra, kif ukoll l-istituzzjonijiet tal-Ombudsman, u l-Awditur Ġenerali, fost l-oħrajn.
Flimkien, dawn jiffurmaw parti minn dik is-sistema, li fit-trattati Kostituzzjonali, tissejjaħ is-sistema “taċ-checks and balances”.
Il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku evolviet ħafna tul dawn il-ħamsa u sittin sena. Evolviet, u kellha tevolvi, pari passu ma’ tibdiliet li amministrazzjonijiet diversi għamlu fl-organizzazzjoni tas-Servizz Pubbliku, tibdil li rriżulta ukoll f’tibdil fil-liġijiet.
Filfatt, illum, dak li qabel kien jissejjaħ iċ-Ċivil, qed nirreferu għalih bħala s-Servizz Pubbliku, u din ma kienitx biss bidla fl-isem.
Minn “Ċivil” li waħda mill-karatteristiċi ewlenin tiegħu kien illi jkun ′il fuq mill-arena politika, għaddejna għall-kunċett ta’ organizzazzjoni li għandha timmira għal servizz totali għall-pubbliku.
Naħseb li aħna kollha konxji illi r-raġunament wara l-organizzazzjoni tas-Servizz Pubbliku fil-preżent, nistgħu ngħidu huwa msejjes fuq ir-rabta li hemm bejn il-poplu bħala “is-Sovran”, u l-eżekuttiv, li jirrappreżenta l-għażla u r-rieda tal-poplu kif espressa fl-elezzjonijiet ġenerali minn żmien għal żmien.
Filfatt is-Servizz Pubbliku hu d-driegħ tat-twettieq tal-politiki tal-Eżekuttiv, tal-gvern, fuq il-programm li l-poplu jkun eleġġieh fuqu.
Fid-doveri tas-Servizz Pubbliku, insibu li r-responsabbiltà primarja li s-Servizz Pubbliku għandu huwa l-implimentazzjoni tal-policies li joħorġu mill-Eżekuttiv, mill-Gvern tal-ġurnata, li il-maġġoranza tal-poplu tkun għażlet il-programm elettorali tiegħu.
Għalhekk, wieħed jifhem hawnhekk, li ċerta tibdiliet li seħħew fl-amministrazzjoni Pubblika, l-aktar wara l-Indipendenza u, b’mod speċjali, f’dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena, huma frott tar-responsabbiltà li l-Gvern tal-ġurnata għandu lejn il-poplu li eleġġieh, sabiex iwettaq il-programm li ġie elett fuqu.
Is-snin sittinijiet sat-tmeninijiet tas-seklu l-ieħor, raw żvilupp ekonomiku u soċjali mgħaġġel u ambizzjuż, li kien jirrikjedi mhux biss strutturi ġodda, ħafna drabi ad hoc, iżda wkoll strutturi li bihom ikun hemm aktar flessibilità u effiċjenza. U dan għaliex, fl-andament tal-pajjiż, mas-soċjali u l-ekonomiku, daħal wkoll l-internazzjonali u l-kummerċjali, issa li t-tmexxija ta’ Pajjiżna kienet kollha f’idejna.
Nirreferi għat-Tarzna, f’dak iż-żmien, ukoll l-Air Malta u s-Sea Malta, t-telekomunikazzjoni, l-enerġija, apparti organizzazzjonijiet ta’ statura kważi istituzzjonali nazzjonali, bħal per eżempju, il-Bank Ċentrali ta’ Malta. Dawn ma baqgħux jaqgħu, la mill-qrib u lanqas mill-bogħod, taħt il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
It-tibdil biex jinżamm il-momentum ta’ progress fil-pajjiż seta’ kien r-raġunament wara r-rakkomandazzjoni tal-Public Service Reform Commission 1988-1989, li rrakkomandat li s-setgħa li kellha dwar ħatriet fis-servizz Pubbliku, tgħaddi f’idejn il-Kapijiet tad-Dipartimenti, u li l-kapijiet jinħatru fuq bażi kuntrattwali. Il-ħsieb kien illi, x’ħin tiżvesti ruħha minn ċerta setgħa li kellha u tgħaddiha f’idejn il-Kapijiet tad-Dipartimenti, il-Kummissjoni ssir korp ta’ sorveljanza tal-eżerċizzju ta’ dik l-awtorità/setgħa li qabel kienet f’idejha, li issa tkun ġiet delegata minnha lill-kapijiet tad-dipartimenti.
Difatti, hawnhekk niltaqgħu ma’ bidla sostanzjali fil-funzjoni tal-PSC minn kif kienet bdiet u żvolġiet bħala relikwa minn żmien il-ħakma Kolonjali Brittanika. Dawn il-bidliet kien hemm żmien li fl-Interpretazzjoni qajjmu ċertu problemi peress illi wieħed ikollu jinnota, li hemm fil fin, irqiq, bejn fejn għandu jibda u jispiċċa patronaġġ politiku, anke jekk msejjes fuq il-kunċett politiku filosofiku tal-poplu sovran, deskritt aktar il-fuq, u l-fiduċja li l-politiċi fl-eżekuttiv għandhom ikollhom fin-nies l-eqreb lejhom, u l-kunċetti tat-tħaddim ta’ mertu u ekwità.
Naħseb li wieħed għandu jaċċenna, ukoll jekk ma jidħolx profondament f’din il-materja, għad-differenza bejn is-sistema ta’ Public Service Commission li Malta, bħal pajjiżi oħra tal- Commonwealth writna mill-ħakma Kolonjali Brittanika u s-sistema kontinentali, partikularment Franza u l-Italja, fejn għandek il-Conseil d’Etat u il-Consglio di Stato rispettivament. Dawn huma enti ġudizzjarji, qrati speċjali, b’rikors u sorveljanza ta’ operat tal-amministrazzjoni eżekuttiva u għandhom is-setgħa li jiddikjaraw nulli mhux biss azzjonijiet u regolamenti iżda saħansitra wkoll liġijiet.
Id-deċiżjonijiet tal-PSC mhumiex pubbliċi; L-iskop tal-PSC ma jkoprix review u f’ċerta każi, annullament tal-operat tal-istat, li hemm inklużi fil-kompetenza tal-korpi ġudizzjarji kontinentali.
Il-Public Service Commission, fl-operat tagħha, l-awtonomija li għanda, hija awtonomija bi skop primarjament pragmatiku li tirregola l-proċeduri tagħha, u tasal għal deċiżjonijiet b’modi aktar sempliċi li jwasslu għal teħid tad-deċiżjonijiet b’aktar veloċità.
Oltre dan, fejn jidħol l-element pragmatiku, wieħed għandu wkoll isemmi illi maż-żmien, proċeduri quddiem il-Kummissjoni ġew riveduti b’tali mod illi jkunu aktar prattiċi, u fl-istess waqt aktar umani u empatiċi fejn jidħol sospensjoni u tkeċċija. Dan ma jkunx jista’ jsir bil-Qrati, għax il-Qrati mal-liġijiet jimxu.
Public Service Commissions anke jekk jissejħu indipendenti, din l-indipendenza tagħhom tiddependi minn ħafna fatturi, l-aktar mill-klima demokratika tal-pajjiż li għandu din is-sistema ta’ Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Dan jiftiehem sew meta wieħed mill-funzjonijiet ta’ kummissjoni Pubbliku huwa li, l-ingaġġ ta’ ħaddiema u promozzjonijiet isiru fuq bażi ta’ mertu. Kummissjonijiet bħal dawn għandhom wkoll skop dixxiplinarju, iżda fuq kollox huma mistennija jipprevjenu n-nepotiżmu u l-korruzzjoni fl-għoti ta’ appointments u promozzjonijiet.
Ukoll, il-mod kif inhuma maħtura, ħafna drabi jagħmilhom dgħajfa fejn jidħol il-konfront mal-eżekuttiv, u għalkemm, f’ċerta każi dawn il-kummissjonijiet ikunu accountable, per eżempju lejn il-Parlament, lejn il-Kostituzzjoni, dawn il-Kummissjonijiet, qatt m’għandhom il-forza u l-piż ta’ accountability f’sistema ġudizzjarja fejn għandek wkoll appelli mid-deċiżjonijiet, mhux l-anqas għaliex security of tenure, hija dgħajfa mmens biex ma ngħidux kważi non-eżistenti.
Oltre dan, f’dan ir-rigward, ukoll meta wieħed jirreferi għall-Artikolu 115 tal-Kostituzzjoni, li ġie kwotat aktar ’il fuq, wieħed jinnota li l-Qrati m’għandhomx ġurisdizzjoni biss fi tlett ċirkostanzi;
L-Artikolu 115 tal-Kostituzzjoni jgħid hekk:
Il-kwistjoni jekk –
- il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku tkunx qdiet validament xi funzjoni mogħtija lilha bi jew skont din il-Kostituzzjoni;
- xi membru tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku jew xi uffiċjal pubbliku jew awtorità oħra tkunx qdiet validament xi funzjoni delegata lil dak il-membru, uffiċjal pubbliku jew awtorità bis-saħħa tad-disposizzjonijiet tas-subartikolu (1) tal-artikolu 110 ta’din il-Kostituzzjoni; jew
- xi membru tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku jew xi uffiċjal pubbliku jew awtorità oħra tkunx qdiet validament xi funzjoni oħra dwar ix-xogħol tal-Kummissjoni jew dwar xi funzjoni bħal dik kif hija msemmija fil-paragrafu ta’ qabel dan,
ma għandiex tiġi eżaminata minn ebda qorti.
Din mhix immunità assoluta mill-iskrutinju tal-qrati.
Żgur, illi fl-operat tagħha, biex tasal għad-deċiżjonijiet, il-PSC, trid tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, u l-proċeduri jridu jkunu fidili lejn il-prinċipji tal-ġustizzja naturali.
F’nuqqasijiet tal-Kummissjoni f’dawn ir-rigwardi, l-individwu għandu triq miftuħa biex jappella lill-Qorti Kostituzzjonali. Difatti, f’ċerta perjodu, wieħed kien jiltaqa’ ma’ numru konsiderevoli ta’ kawżi fejn individwi kienu jappellaw lill-Qrati fuq allegazzjonijiet li l-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku ma tkunx tagħtihom smiegħ xieraq.
Wieħed ikollu jirrimarka, illi s-suġġett tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, huwa wiesgħa u profond; żgur ma jistax jiġi eżawrit kif jixraqlu fl-introduzzjoni li ġejt mitluba nagħmel dalgħodu għal din l-okkażjoni.
Qabel ma’ jkompli l-eżerċizzju ta’ dalgħodu, f’isem il-Presidenza, nirringrazzja lill-membri tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, u napprezza l-impenn tagħhom li daħlu biex jerfgħu din ir-responsabbiltà.
Kull riproduzzjoni ta’ dan id-diskors teħtieġ permess minn qabel mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta. Jekk jogħġbok ikkuntattja l-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Pubbliċi fuq [email protected] u [email protected].