Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President tindirizza l-kommemorazzjoni tal-65 anniversarju mill-ħolqien tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku

Qiegħdin nikkommemoraw illum il-ħamsa u sittin (65) anniversarju minn meta tnediet il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.

Il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, il-metodu kif tinħatar l-irwol u l-funzjoni rakkomandattiva u dixxiplinarja, huma kostituzzjonalment regolati taħt kapitlu għaxra tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, il-Kapitlu dedikat lis-Servizz Pubbliku.

Ma’ kapitolu għaxra tal-Kostituzzjoni għandu mportanza wkoll l-artikolu tlieta tal-leġislazzjoni sussidjarja għall-kostituzzjoni (KOST 0.1), l-avviż legali tal-2015 intitolat Regolamenti Ġenerali tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.

Dan l-artikolu tlieta, fis-subartikoli (a) u (b), jittratta l-linji gwida tal-Kummissjoni fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħha u fl-istess waqt, jitfa’ l-lenti fuq l-għanijiet prinċipali tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.

L-artikolu tlieta, sub-artikolu (a), jiddikjara illi l-Kummissjoni “tfittex li żżomm standard għoli, ta’ kompetenza, effiċjenza u integrità, fis-Servizz Pubbliku, u (b) tħares il-prinċipji tal-ġustizzja, ekwità, mertu, ugwaljanza ta’ opportunitajiet, imparzjalità u libertà minn diskriminazzjoni, patroċinju jew favoritiżmu.”

Il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, tifforma parti minn kategorija ta’ istituzzjonijiet, li flimkien, fi stat demokratiku, iħarsu kwalità għolja ta’ governanza u kontabilità. Magħhom hemm kummissjonijiet oħra, kif ukoll l-istituzzjonijiet tal-Ombudsman, u l-Awditur Ġenerali, fost l-oħrajn.

Flimkien, dawn jiffurmaw parti minn dik is-sistema, li fit-trattati Kostituzzjonali, tissejjaħ is-sistema “taċ-checks and balances”.

Il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku evolviet ħafna tul dawn il-ħamsa u sittin sena. Evolviet, u kellha tevolvi, pari passu ma’ tibdiliet li amministrazzjonijiet diversi għamlu fl-organizzazzjoni tas-Servizz Pubbliku, tibdil li rriżulta ukoll f’tibdil fil-liġijiet.

Filfatt, illum, dak li qabel kien jissejjaħ iċ-Ċivil, qed nirreferu għalih bħala s-Servizz Pubbliku, u din ma kienitx biss bidla fl-isem.

Minn “Ċivil” li waħda mill-karatteristiċi ewlenin tiegħu kien illi jkun ′il fuq mill-arena politika, għaddejna għall-kunċett ta’ organizzazzjoni li għandha timmira għal servizz totali għall-pubbliku.

Naħseb li aħna kollha konxji illi r-raġunament wara l-organizzazzjoni tas-Servizz Pubbliku fil-preżent, nistgħu ngħidu huwa msejjes fuq ir-rabta li hemm bejn il-poplu bħala “is-Sovran”, u l-eżekuttiv, li jirrappreżenta l-għażla u r-rieda tal-poplu kif espressa fl-elezzjonijiet ġenerali minn żmien għal żmien.

Filfatt is-Servizz Pubbliku hu d-driegħ tat-twettieq tal-politiki tal-Eżekuttiv, tal-gvern, fuq il-programm li l-poplu jkun eleġġieh fuqu.

Fid-doveri tas-Servizz Pubbliku, insibu li r-responsabbiltà primarja li s-Servizz Pubbliku għandu huwa l-implimentazzjoni tal-policies li joħorġu mill-Eżekuttiv, mill-Gvern tal-ġurnata, li il-maġġoranza tal-poplu tkun għażlet il-programm elettorali tiegħu.

Għalhekk, wieħed jifhem hawnhekk, li ċerta tibdiliet li seħħew fl-amministrazzjoni Pubblika, l-aktar wara l-Indipendenza u, b’mod speċjali, f’dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena, huma frott tar-responsabbiltà li l-Gvern tal-ġurnata għandu lejn il-poplu li eleġġieh, sabiex iwettaq il-programm li ġie elett fuqu.

Is-snin sittinijiet sat-tmeninijiet tas-seklu l-ieħor, raw żvilupp ekonomiku u soċjali mgħaġġel u ambizzjuż, li kien jirrikjedi mhux biss strutturi ġodda, ħafna drabi ad hoc, iżda wkoll strutturi li bihom ikun hemm aktar flessibilità u effiċjenza. U dan għaliex, fl-andament tal-pajjiż, mas-soċjali u l-ekonomiku, daħal wkoll l-internazzjonali u l-kummerċjali, issa li t-tmexxija ta’ Pajjiżna kienet kollha f’idejna.

Nirreferi għat-Tarzna, f’dak iż-żmien, ukoll l-Air Malta u s-Sea Malta, t-telekomunikazzjoni, l-enerġija, apparti organizzazzjonijiet ta’ statura kważi istituzzjonali nazzjonali, bħal per eżempju, il-Bank Ċentrali ta’ Malta. Dawn ma baqgħux jaqgħu, la mill-qrib u lanqas mill-bogħod, taħt il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.

It-tibdil biex jinżamm il-momentum ta’ progress fil-pajjiż seta’ kien r-raġunament wara r-rakkomandazzjoni tal-Public Service Reform Commission 1988-1989, li rrakkomandat li s-setgħa li kellha dwar ħatriet fis-servizz Pubbliku, tgħaddi f’idejn il-Kapijiet tad-Dipartimenti, u li l-kapijiet jinħatru fuq bażi kuntrattwali. Il-ħsieb kien illi, x’ħin tiżvesti ruħha minn ċerta setgħa li kellha u tgħaddiha f’idejn il-Kapijiet tad-Dipartimenti, il-Kummissjoni ssir korp ta’ sorveljanza tal-eżerċizzju ta’ dik l-awtorità/setgħa li qabel kienet f’idejha, li issa tkun ġiet delegata minnha lill-kapijiet tad-dipartimenti.

Difatti, hawnhekk niltaqgħu ma’ bidla sostanzjali fil-funzjoni tal-PSC minn kif kienet bdiet u żvolġiet bħala relikwa minn żmien il-ħakma Kolonjali Brittanika. Dawn il-bidliet kien hemm żmien li fl-Interpretazzjoni qajjmu ċertu problemi peress illi wieħed ikollu jinnota, li hemm fil fin, irqiq, bejn fejn għandu jibda u jispiċċa patronaġġ politiku, anke jekk msejjes fuq il-kunċett politiku filosofiku tal-poplu sovran, deskritt aktar il-fuq, u l-fiduċja li l-politiċi fl-eżekuttiv għandhom ikollhom fin-nies l-eqreb lejhom, u l-kunċetti tat-tħaddim ta’ mertu u ekwità.

Naħseb li wieħed għandu jaċċenna, ukoll jekk ma jidħolx profondament f’din il-materja, għad-differenza bejn is-sistema ta’ Public Service Commission li Malta, bħal pajjiżi oħra tal- Commonwealth writna mill-ħakma Kolonjali Brittanika u s-sistema kontinentali, partikularment Franza u l-Italja, fejn għandek il-Conseil d’Etat u il-Consglio di Stato rispettivament. Dawn huma enti ġudizzjarji, qrati speċjali, b’rikors u sorveljanza ta’ operat tal-amministrazzjoni eżekuttiva u għandhom is-setgħa li jiddikjaraw nulli mhux biss azzjonijiet u regolamenti iżda saħansitra wkoll liġijiet.

Id-deċiżjonijiet tal-PSC mhumiex pubbliċi; L-iskop tal-PSC ma jkoprix review u f’ċerta każi, annullament tal-operat tal-istat, li hemm inklużi fil-kompetenza tal-korpi ġudizzjarji kontinentali.

Il-Public Service Commission, fl-operat tagħha, l-awtonomija li għanda, hija awtonomija bi skop primarjament pragmatiku li tirregola l-proċeduri tagħha, u tasal għal deċiżjonijiet b’modi aktar sempliċi li jwasslu għal teħid tad-deċiżjonijiet b’aktar veloċità.

Oltre dan, fejn jidħol l-element pragmatiku, wieħed għandu wkoll isemmi illi maż-żmien, proċeduri quddiem il-Kummissjoni ġew riveduti b’tali mod illi jkunu aktar prattiċi, u fl-istess waqt aktar “umani” fejn jidħol sospensjoni u tkeċċija.

Public Service Commissions anke jekk jissejħu indipendenti, din l-indipendenza tagħhom tiddependi minn ħafna fatturi, l-aktar mill-klima demokratika tal-pajjiż li għandu din is-sistema ta’ Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Dan jiftiehem sew meta wieħed mill-funzjonijiet ta’ kummissjoni Pubbliku huwa li, l-ingaġġ ta’ ħaddiema u promozzjonijiet isiru fuq bażi ta’ mertu. Kummissjonijiet bħal dawn għandhom wkoll skop dixxiplinarju, iżda fuq kollox huma mistennija jipprevjenu n-nepotiżmu u l-korruzzjoni fl-għoti ta’ appointments u promozzjonijiet.

Ukoll, il-mod kif inhuma maħtura, ħafna drabi jagħmilhom dgħajfa fejn jidħol il-konfront mal-eżekuttiv, u għalkemm, f’ċerta każi dawn il-kummissjonijiet ikunu accountable, per eżempju lejn il-Parlament, lejn il-Kostituzzjoni, dawn il-Kummissjonijiet, qatt m’għandhom il-forza u l-piż ta’ accountability f’sistema ġudizzjarja fejn għandek wkoll appelli mid-deċiżjonijiet, mhux l-anqas għaliex security of tenure, hija dgħajfa mmens biex ma ngħidux kważi non-eżistenti.

Oltre dan, f’dan ir-rigward, ukoll meta wieħed jirreferi għall-Artikolu 115 tal-Kostituzzjoni, li ġie kwotat aktar ’il fuq, wieħed jinnota li l-Qrati m’għandhomx ġurisdizzjoni biss fi tlett ċirkostanzi;

L-Artikolu 115 tal-Kostituzzjoni jgħid hekk:

Il-kwistjoni jekk –

  • il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku tkunx qdiet validament xi funzjoni mogħtija lilha bi jew skont din il-Kostituzzjoni;
  • xi membru tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku jew xi uffiċjal pubbliku jew awtorità oħra tkunx qdiet validament xi funzjoni delegata lil dak il-membru, uffiċjal pubbliku jew awtorità bis-saħħa tad-disposizzjonijiet tas-subartikolu (1) tal-artikolu 110 ta’din il-Kostituzzjoni; jew
  • xi membru tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku jew xi uffiċjal pubbliku jew awtorità oħra tkunx qdiet validament xi funzjoni oħra dwar ix-xogħol tal-Kummissjoni jew dwar xi funzjoni bħal dik kif hija msemmija fil-paragrafu ta’ qabel dan,

ma għandiex tiġi eżaminata minn ebda qorti.

Din mhix immunità assoluta mill-iskrutinju tal-qrati.

Żgur, illi fl-operat tagħha, biex tasal għad-deċiżjonijiet, il-PSC, trid tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, u l-proċeduri jridu jkunu fidili lejn il-prinċipji tal-ġustizzja naturali.

F’nuqqasijiet tal-Kummissjoni f’dawn ir-rigwardi, l-individwu għandu triq miftuħa biex jappella lill-Qorti Kostituzzjonali. Difatti, f’ċerta perjodu, wieħed kien jiltaqa’ ma’ numru konsiderevoli ta’ kawżi fejn individwi kienu jappellaw lill-Qrati fuq allegazzjonijiet li l-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku ma tkunx tagħtihom smiegħ xieraq.

Wieħed ikollu jirrimarka, illi s-suġġett tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, huwa wiesgħa u profond; żgur ma jistax jiġi eżawrit kif jixraqlu fl-introduzzjoni li ġejt mitluba nagħmel dalgħodu għal din l-okkażjoni.

Qabel ma’ jkompli l-eżerċizzju ta’ dalgħodu, f’isem il-Presidenza, nirringrazzja lill-membri tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, u napprezza l-impenn tagħhom li daħlu biex jerfgħu din ir-responsabbiltà.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.