Skip to content

President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Il-President tindirizza s-serata tal-Malta Engineering Excellence Awards

Ninsab ferħana ħafna li ngħaqadt magħkom illejla, għal din l-attività importanti ħafna fil-kalendarju annwali tal-Kamra tal-Inġiniera. 

Il-Malta Engineering Excellence Awards saru rikonoxximent nazzjonali distint, li jonoraw kemm l-individwi, lill-organizzazzjonijiet kif ukoll proġetti, għax-xogħol sfieq li wettqu tul l-aħħar sena fil-professjoni tal-inġinerija f’Malta.

Din hija t-tlieta u għoxrin (23) edizzjoni ta’ dan l-avveniment fejn professjonisti fil-qasam tal-inġinerija u l-industrija jiltaqgħu biex jiddiskutu u jesponu x-xogħol tagħhom fi ħdan il-professjoni.  Dan apparti li din l-attività sservi wkoll ta’ impetu għall-istudenti fi ħdan il-fakultà tal-Inġinerija u l-ICT fil-Università ta’ Malta u anke dawk fi ħdan l-fakultà tal-Inġinerija u Trasport mill-Malta College of Arts Science and Techonlogy, l-MCAST.  Dawn l-istudenti, mhux biss ikollhom iċ-ċans japprezzaw aktar mill-qrib il-professjoni, iżda anke huma jistgħu jaqsmu ma’ oħrajn l-ideat u l-proġetti tagħhom u anke huma jiġu rikonoxxuti.

Hija b’hekk serata li tgħaqqad il-qasam kollu f’daqqa u tixpruna ’l quddiem il-professjoni tant bżonjuża fis-soċjetà tagħna.  

Bil-premjijiet tal-illejla, ġew rikonoxxuti individwi u entitajiet għall-Eċċellenza Industrijali, għas-sostenibbiltà tal-Enerġija u l-Ilma, flimkien mal-Premju Maurice Debono għall-Kisba tul il-Ħajja u rikonoxximent u spazju għall-aqwa proġetti mill-istudenti li għadhom kif gradwaw mill-Università u mill-MCAST.

L-inġinerija mmissuha b’idejna kuljum; anke jekk xi kultant lanqas nagħtu każ li l-oġġett jew l-proċess li nagħmluh b’ċerta rutina, għandu warajh sigħat twal ta’ ħsieb u twettiq minn diversi inġiniera.

Tletin, erbgħin sena ilu konna biss noħolmu li nkunu daqstant konnessi, b’użu ta’ oġġett daqstant żgħir li jidħol fil-but. Lanqas konna naħsbu li nistgħu nivvjaġġaw minn post għall-ieħor b’meżżi li jimpattaw anqas l-ambjent, jew li konna ser nikkumbattu mard terminali jew akut b’teknoloġija avvanzata.  Illejla rajna kif l-intelliġenza umana taf tilħaq limiti bla preċedent f’setturi pilastru bħall-farmaċewtika u l-kirurġija, u jkunu strumentali biex irendu l-ħajja aktar sana u kwalittattiva. 

L-innovazzjoni inġinieristika tikkontribwixxi biex tagħmel il-ħajja aktar faċli, sikura, konnessa, b’saħħitha u għanja.  U l-ebda wieħed minn dawn l-infrastrutturi ma ġew mingħajr inġiniera li ddedikaw r-riżorsi tagħhom biex jevolvu l-ideat tagħhom u jagħmluhom tanġibbli. 

Sa mit-twaqqif tagħha lura fl-1978, il-Kamra tal-Inġiniera serviet bħala l-pedament ewlieni biex tissalvagwardja u anke tippromowovi s-settur tal-inġinerija f’Malta.  Il-Kamra kienet sturmentali għat-tfassil tal-Att tal-Inġiniera fl-1988 u għall-ħruġ tal-ewwel warrants fil-qasam fl-1993.

Minħabba il-bidla kontinwa fit-teknoloġija u l-infrastruttura, u l-bżonn ta’ aġġornament kontinwu f’dan is-settur, il-Kamra tal-Inġiniera hija kommessa li tkompli tikber u tevolvi b’mod dinamiku billi torganizza diversi attivitajiet, taħriġ u konferenzi għall-membri tagħha biex jespandu l-orizzonti tal-għarfien tagħhom.

Filfatt illum il-Kamra tilqa’ fiha individwi minn kull settur tal-inġinerija; dik mekkanika, dik elettrika, dik marittima, kif ukoll dik tat-Tekonoloġija tal-Informatika (I.T.).

Apparti hekk, il-Kamra tagħti opportunitajiet lill-istudenti aspiranti biex juru t-talenti tagħhom u anke jiltaqgħu ma’ inġiniera oħrajn stabbiliti u b’hekk ikun hemm qsim ta’ għarfien u esperjenzi li jissarraf fi żvilupp personali u aktar esperjenza fix-xogħol. 

Dwar dawn tal-aħħar, l-istudenti gradwati, iż-żagħżagħ tagħna, apparti milli nawguralhom għall-futur mill-aqwa fis-settur tal-inġinerija, nixtieq inwasslilhom anke messaġġ; intom bħala l-inġiniera ta’ għada, ser ikollkom parti importanti ħafna fit-tfassil ta’ mekkaniżmi u teknoloġiji ġodda li jiddefinixxu l-futur li aħna, uliedna u ulied uliedna ser ngħixu fih. 

Dan huwa piż fuqkom għalhekk nħeġġiġkom li żżommu ruħkom aġġornati biex dejjem tilħqu livelli ta’ eċċellenza. 

Ir-rikonoxximent għall-ħidma tul il-ħajja li ngħata llejla lill-Inġ. Oliver Degiorgio huwa xempju ta’ kemm huwa importanti li jkollna nies ta’ kwalità u kapaċità li jsawwru valuri professjonistiċi anke fil-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, u kemm huwa aktar importanti li nindukraw u nħeġġu dejjem kultura ta’ eċċellenza fost l-inġiniera l-ġodda li tilgħajn. 

Inħeġġeġ lill-Inġiniera kollha biex jutilizzaw l-komponent akkademiku li għaddulkom l-letturi u l-inġiniera fl-università u fl-MCAST, u twaħħduħ mal-użu denju tal-ħila tagħkom għall-pajjiż aktar sostenibbli.

Naraw kif illum f’pajjiż u dinja li qed jipprogressaw b’pass mgħaġġel ħafna, huwa kardinali li wieħed idaħħal il-ħsieb kritiku fl-ippjanar ta’ infrastrutturi li jolqtu lill-eluf ta’ persuni.  Dan irid isir bil-ħsieb tal-attwabbilità tal-miri sostenibbli imposti minn Nazzjonijiet Uniti u li Malta għanda t-tir li tilħaqhom ukoll.

Il-premju għas-sostenibbiltà għandu jkun turija tal-impenn li għandu jkollna fil-konfront tat-tibdil fil-klima u l-limiti tar-riżorsi naturali tagħna, li kull ma’ jmur qed isiru aktar skarsi.  L-użu tajjeb tal-enerġija u tal-provvista tal-ilma, għalina b’mod speċjali bħala gżejjer insulari, huwa importanti ħafna, u għandna nkunu prudenti b’tali mod li nevitaw li jkollna ħela u sfreġju ta’ dawn it-tali riżorsi.

B’hekk huwa importanti li tħaddnu l-valuri li tgħallimtu u tattwawhom b’etika morali u professjonali meħtieġa għall-iffurmar ta’ ambjenti li għalkemm jafu jkunu kumplessi u teknoloġikament avvanzati, jibqgħu sostenibbli.  Ix-xogħol li trendu tridu tagħmluh għax konvinti minnu u mhux għax ġejtu pressati tagħmluh.

Persważa li l-Kamra tal-Inġiniera, u l-perkors li qabdet biex tagħti kontribut professjonali għall-avvanz tas-soċjetà’ Maltija ser ikompli jrendi u jagħti r-riżultati meħtieġa biex isostni l-bżonnijiet li għandhom il-gżejjer tagħna.

Minn qalbi nirringrazzjakom, u nifraħ mill-ġdid lir-rebbieħa kollha tal-Premijiet u nawguralhom għall-futur tagħhom fil-professjoni tal-inġinerija.