Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President tindirizza s-serata tal-Malta Engineering Excellence Awards

Ninsab ferħana ħafna li ngħaqadt magħkom illejla, għal din l-attività importanti ħafna fil-kalendarju annwali tal-Kamra tal-Inġiniera.

Il-Malta Engineering Excellence Awards saru rikonoxximent nazzjonali distint, li jonoraw kemm l-individwi, lill-organizzazzjonijiet kif ukoll proġetti, għax-xogħol sfieq li wettqu tul l-aħħar sena fil-professjoni tal-inġinerija f’Malta.

Din hija t-tlieta u għoxrin (23) edizzjoni ta’ dan l-avveniment fejn professjonisti fil-qasam tal-inġinerija u l-industrija jiltaqgħu biex jiddiskutu u jesponu x-xogħol tagħhom fi ħdan il-professjoni. Dan apparti li din l-attività sservi wkoll ta’ impetu għall-istudenti fi ħdan il-fakultà tal-Inġinerija u l-ICT fil-Università ta’ Malta u anke dawk fi ħdan l-fakultà tal-Inġinerija u Trasport mill-Malta College of Arts Science and Techonlogy, l-MCAST. Dawn l-istudenti, mhux biss ikollhom iċ-ċans japprezzaw aktar mill-qrib il-professjoni, iżda anke huma jistgħu jaqsmu ma’ oħrajn l-ideat u l-proġetti tagħhom u anke huma jiġu rikonoxxuti.

Hija b’hekk serata li tgħaqqad il-qasam kollu f’daqqa u tixpruna ’l quddiem il-professjoni tant bżonjuża fis-soċjetà tagħna.

Bil-premjijiet tal-illejla, ġew rikonoxxuti individwi u entitajiet għall-Eċċellenza Industrijali, għas-sostenibbiltà tal-Enerġija u l-Ilma, flimkien mal-Premju Maurice Debono għall-Kisba tul il-Ħajja u rikonoxximent u spazju għall-aqwa proġetti mill-istudenti li għadhom kif gradwaw mill-Università u mill-MCAST.

L-inġinerija mmissuha b’idejna kuljum; anke jekk xi kultant lanqas nagħtu każ li l-oġġett jew l-proċess li nagħmluh b’ċerta rutina, għandu warajh sigħat twal ta’ ħsieb u twettiq minn diversi inġiniera.

Tletin, erbgħin sena ilu konna biss noħolmu li nkunu daqstant konnessi, b’użu ta’ oġġett daqstant żgħir li jidħol fil-but. Lanqas konna naħsbu li nistgħu nivvjaġġaw minn post għall-ieħor b’meżżi li jimpattaw anqas l-ambjent, jew li konna ser nikkumbattu mard terminali jew akut b’teknoloġija avvanzata. Illejla rajna kif l-intelliġenza umana taf tilħaq limiti bla preċedent f’setturi pilastru bħall-farmaċewtika u l-kirurġija, u jkunu strumentali biex irendu l-ħajja aktar sana u kwalittattiva.

L-innovazzjoni inġinieristika tikkontribwixxi biex tagħmel il-ħajja aktar faċli, sikura, konnessa, b’saħħitha u għanja. U l-ebda wieħed minn dawn l-infrastrutturi ma ġew mingħajr inġiniera li ddedikaw r-riżorsi tagħhom biex jevolvu l-ideat tagħhom u jagħmluhom tanġibbli.

Sa mit-twaqqif tagħha lura fl-1978, il-Kamra tal-Inġiniera serviet bħala l-pedament ewlieni biex tissalvagwardja u anke tippromowovi s-settur tal-inġinerija f’Malta. Il-Kamra kienet sturmentali għat-tfassil tal-Att tal-Inġiniera fl-1988 u għall-ħruġ tal-ewwel warrants fil-qasam fl-1993.

Minħabba il-bidla kontinwa fit-teknoloġija u l-infrastruttura, u l-bżonn ta’ aġġornament kontinwu f’dan is-settur, il-Kamra tal-Inġiniera hija kommessa li tkompli tikber u tevolvi b’mod dinamiku billi torganizza diversi attivitajiet, taħriġ u konferenzi għall-membri tagħha biex jespandu l-orizzonti tal-għarfien tagħhom.

Filfatt illum il-Kamra tilqa’ fiha individwi minn kull settur tal-inġinerija; dik mekkanika, dik elettrika, dik marittima, kif ukoll dik tat-Tekonoloġija tal-Informatika (I.T.).

Apparti hekk, il-Kamra tagħti opportunitajiet lill-istudenti aspiranti biex juru t-talenti tagħhom u anke jiltaqgħu ma’ inġiniera oħrajn stabbiliti u b’hekk ikun hemm qsim ta’ għarfien u esperjenzi li jissarraf fi żvilupp personali u aktar esperjenza fix-xogħol.

Dwar dawn tal-aħħar, l-istudenti gradwati, iż-żagħżagħ tagħna, apparti milli nawguralhom għall-futur mill-aqwa fis-settur tal-inġinerija, nixtieq inwasslilhom anke messaġġ; intom bħala l-inġiniera ta’ għada, ser ikollkom parti importanti ħafna fit-tfassil ta’ mekkaniżmi u teknoloġiji ġodda li jiddefinixxu l-futur li aħna, uliedna u ulied uliedna ser ngħixu fih.

Dan huwa piż fuqkom għalhekk nħeġġiġkom li żżommu ruħkom aġġornati biex dejjem tilħqu livelli ta’ eċċellenza.

Ir-rikonoxximent għall-ħidma tul il-ħajja li ngħata llejla lill-Inġ. Oliver Degiorgio huwa xempju ta’ kemm huwa importanti li jkollna nies ta’ kwalità u kapaċità li jsawwru valuri professjonistiċi anke fil-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, u kemm huwa aktar importanti li nindukraw u nħeġġu dejjem kultura ta’ eċċellenza fost l-inġiniera l-ġodda li tilgħajn.

Inħeġġeġ lill-Inġiniera kollha biex jutilizzaw l-komponent akkademiku li għaddulkom l-letturi u l-inġiniera fl-università u fl-MCAST, u twaħħduħ mal-użu denju tal-ħila tagħkom għall-pajjiż aktar sostenibbli.

Naraw kif illum f’pajjiż u dinja li qed jipprogressaw b’pass mgħaġġel ħafna, huwa kardinali li wieħed idaħħal il-ħsieb kritiku fl-ippjanar ta’ infrastrutturi li jolqtu lill-eluf ta’ persuni. Dan irid isir bil-ħsieb tal-attwabbilità tal-miri sostenibbli imposti minn Nazzjonijiet Uniti u li Malta għanda t-tir li tilħaqhom ukoll.

Il-premju għas-sostenibbiltà għandu jkun turija tal-impenn li għandu jkollna fil-konfront tat-tibdil fil-klima u l-limiti tar-riżorsi naturali tagħna, li kull ma’ jmur qed isiru aktar skarsi. L-użu tajjeb tal-enerġija u tal-provvista tal-ilma, għalina b’mod speċjali bħala gżejjer insulari, huwa importanti ħafna, u għandna nkunu prudenti b’tali mod li nevitaw li jkollna ħela u sfreġju ta’ dawn it-tali riżorsi.

B’hekk huwa importanti li tħaddnu l-valuri li tgħallimtu u tattwawhom b’etika morali u professjonali meħtieġa għall-iffurmar ta’ ambjenti li għalkemm jafu jkunu kumplessi u teknoloġikament avvanzati, jibqgħu sostenibbli. Ix-xogħol li trendu tridu tagħmluh għax konvinti minnu u mhux għax ġejtu pressati tagħmluh.

Persważa li l-Kamra tal-Inġiniera, u l-perkors li qabdet biex tagħti kontribut professjonali għall-avvanz tas-soċjetà’ Maltija ser ikompli jrendi u jagħti r-riżultati meħtieġa biex isostni l-bżonnijiet li għandhom il-gżejjer tagħna.

Minn qalbi nirringrazzjakom, u nifraħ mill-ġdid lir-rebbieħa kollha tal-Premijiet u nawguralhom għall-futur tagħhom fil-professjoni tal-inġinerija.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.