Żewġ Ambaxxaturi u Kummissarju Għoli ppreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta.
Dawn huma:
- L-Ambaxxatur tar-Repubblika ta-Poplu taċ-Ċina, l-Eċċellenza Tiegħu Zhang Zuo;
- L-Ambaxxatur tar-Repubblika tal-Moldova, l-Eċċellenza Tiegħu Oleg Nica;
- Il-Kummissarju Għoli tar-Repubblika Demokratika Soċjalista tas-Sri Lanka, l-Eċċellenza Tiegħu Arjuna Rodrigo.
Wara li l-Ambaxxatur taċ-Ċina ppreżenta il-Kredenzjali lill-Eċċellenza Tagħha, id-diksussjoni ffukat fuq kollaborazzjoni kurrenti fis-setturi kummerċjali u dawk edukattivi, filwaqt li ġie diskuss ukoll il-potenzjal li dawn ir-rabtiet kummerċjali, kulturali u ekonomiċi bejn Malta u ċ-Ċina jkomplu jissaħħu.
Fil-laqgħa li kellu mal-Eċċellenza Tagħha, l-Ambaxxatur tar-Repubblika tal-Moldova tkellem dwar l-aħħar żviluppi marbuta mal-elezzjoni ġenerali fil-Moldova, fejn il-poplu bagħat messaġġ ċar favur sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea. L-Ambaxxatur tenna l-impenn tiegħu biex jiġu esplorati opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni, fosthom fil-qasam edukattiv u anke permezz tal-kollaborazzjoni fil-Kunsill tal-Ewropa.
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju Għoli tar-Repubblika Demokratika Soċjalista tas-Sri Lanka, irrimarka kif hemm opportunità fejn Malta u s-Sri Lanka jistgħu jtejbu r-relazzjonijiet tajbin li hemm bejniethom permezz ta’ inizjattivi ġodda fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-turiżmu. Huwa irrikonoxxa li fuq livell multilaterali, Malta dejjem kienet promotur ewlieni tal-paċi u parteċipi ħafna f’fora bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-Commonwealth.
Matul il-laqgħat, il-President Spiteri Debono ferħet lill-Ambaxxaturi u lill-Kummissarju Għoli għall-ħatra tagħhom u awgurat illi r-relazzjonijiet bejn Malta u l-pajjiżi rispettivi jissaħħu.