Midja

Festa Ċitru ta’ din is-sena se ssir nhar il-Ħadd 18 a’ Jannar, u se terġa’ toffri l-opportunità lill-familji li jakkwistaw frott taċ-ċitru maqtugħ mill-ġonna storiċi tal-Palazz ta’ Sant’Anton.

Dettalji dwar l-attività ta’ din is-sena, b’risq il-Malta Community Chest Fund, ingħataw waqt attività indirizzata mill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, fil-preżenza ta’ tfal mill-Iskola Primarja Tumas Dingli ta’ Ħ’Attard, parti mill-Kulleġġ San Nikola, u mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca, Skola Primarja Sant’Iermu, Il-Belt Valletta.

L-attività ta’ din is-sena tiftaħ fid-9am u tibqa’ għaddejja sa waranofsinhar, bil-pubbliku jista’ jgawdi minn divertiment waqt li jżur numru ta’ stalls u jixtri ċ-ċitru, fosthom lumi, larinġ u mandolin, fost oħrajn. Se jkun hemm ukoll kejkijiet, ġamm, ħelu u prodotti oħra magħmula mill-kokijiet tal-kċina tal-Palazz ta’ Sant’Anton. Dan minbarra esibituri oħra, li se jbiegħu prodotti tradizzjonali u tal-artiġġjanat.

Fid-9.30am, l-Arċisqof Charles J Scicluna jiċċelebra quddiesa fil-kappella storika tal-Palazz ta’ Sant’Anton, il-Kappella Russa tas-Seklu 19, liema quddiesa se tkun miftuħa għall-pubbliku bħala parti minn Festa Ċitru.

Din is-sena, Festa ċitru se toffri opportunità unika lill-familji li jżuru wkoll is-swali tal-Palazz ta’ Sant’Anton; ir-residenza uffiċjali tal-President ta’ Malta. Matul il-ġurnata, sa kmieni waranofsinhar, dawk li jattendu għal Festa Ċitru se jkunu jistgħu jattendu għal tours iggwidati madwar il-Palazz ta’ Sant’Anton, waqt li jirċievu informazzjoni storika dwar dan il-Palazz u x-xogħol li jsir minnu.