Midja

Tliet rumanzi polizjeski ta’ Pawlu Xuereb ingħataw ħajja mill-ġdid hekk kif ġew ippubblikati waqt serata li saret taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, fil-Palazz ta’ Sant’Anton. Magħhom ġie ppubblikat ukoll ‘Ir-Rumanz Polizjesk’ ta’ Wayne Camilleri.

Fid-diskors tagħha, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono nnutat kif dawn in-novelli jfakkru era oħra fejn il-pajjiż kellu diversi sfidi soċjali – kien hemm faqar mhux biss materjali imma wkoll edukattiv u intellettwali, il-vot kien għadu ta’ 21 sena, u l-faqar tista’ tgħid li kien pjaga soċjali.

Waqt li fakkret fil-legat politiku u letterarju ta’ Pawlu Xuereb, il-President esprimiet it-tama li din il-pubblikazzjoni sservi ta’ pont bejn il-passat u l-preżent, tfakkar il-mixja soċjali u l-evolviment tal-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-Maltin matul is-snin, u li r-rumanzi jservu biex ġenerazzjonijiet ġodda japprezzaw dak li għandu jkun meqjus bħala xogħol fundamentali fil-letteratura Maltija f’dak li jirrigwardja l-ġeneru ta’ novelli polizjeski.