Midja
Il-Kumissarju Għoli tar-Repubblika tan-Namibja, l-Eċċellenza Tiegħu, Veiccoh K. Nghiwete, ippreżenta l-ittri ta’ kredenzjali tiegħu lill-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt Valletta.
Waqt il-laqgħa tiegħu mal-President ta’ Malta, il-Kummissarju Għoli tan-Namibja esprima x-xewqa li pajjiżu jespandi r-relazzjonijiet bilaterali f’diversi setturi, partikolarment fl-oqsma ekonomiċi, soċjali, tat-turiżmu u tal-edukazzjoni. B’mod partikolari, huwa nnota li s-sistema edukattiva tan-Namibja tista’ tieħu l-eżempju u l-esperjenza ta’ Malta u tadatta prattiċi f’dan il-qasam.
Min-naħa tagħha, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta, qablet illi hemm lok biex issir ħidma ħalli jiġu esplorati oqsma ta’ kooperazzjoni, u aċċennat ukoll għall-importanza illi l-membri tal-Commonwealth jaħdmu biex mis-sħubija tagħhom fil-Commonwealth jibnu relazzjonijiet komuni meta jkunu f’fora internazzjonali oħra, bħal pereżempju fin-Nazzjonijiet Uniti.



