Midja
L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, żaret is-Seminarju Minuri tal-Arċisqof, bħala parti mill-kampanja BOV L-istrina Piggy Bank.
Matul iż-żjara tagħha, il-President kienet akkumpanjata mill-Arċisqof, Monsinjur Charles J Scicluna, u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.
Waqt li indirizzat lill-istudenti, il-President ħeġġithom biex huma wkoll ikunu parti minn L-Istrina ta’ din is-sena, billi jikkontribwixxu mill-ftit tagħhom b’risq il-kampanja Piggy Bank.
Il-President spjegat li matul is-sena ltaqgħet ma’ xi studenti li wara l-iskola ma jsibux familja għand min imorru, u oħrajn li qed ibatu minħabba li l-mard ħakem lilhom jew lill-familja tagħhom. Fakkret lill-istudenti li huma dawn in-nies li jsibu wens u għajnuna mill-Malta Community Chest Fund, u li l-flus miġbura bħala parti mill-kampanja Piggy Bank imorru b’dan l-iskop.




