Midja

L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, għalqet is-sensiela ta’ żjarat tagħha fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex, bħala parti mill-kampanja BOV L-istrina Piggy Bank, bi żjara fl-Iskola Primarja u l-Ispecial Unit tas-Sannat.

F’din l-iskola, li tinkludi sezzjoni għal studenti bi bżonnijiet speċjali, il-President segwiet rappreżentazzjoni mużikali mill-istudenti stess, u kienet ippreżentata bi ktieb ta poeżiji miktuba minn student bl-awtiżmu.

Il-President faħħret il-ħidma li ssir f’din l-iskola, iddedikata għall-kittieb u lingwista Għawdxi Ġuże Aquilina, għall-mod kif tkun promossa l-integrazzjoni fost l-istudenti, kif ukoll id-dedikazzjoni tal-iskola favur inizjattivi oħra bħal Eko Skola u l-kunsill tal-iskola. Qalet li inizjattivi bħal dawn ikattru l-mexxejja tal-futur, u ċittadini denji.

Din is-sena, il-President Myriam Spiteri Debono żaret 21 skola tal-Gvern, tal-Knisja u tal-privat bħala parti mill-kampanja BOV L-istrina Piggy Bank.