Midja
L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, attendiet iċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Nazzjonali ta’ Franza, organizzata mill-Ambaxxata ta’ Franza f’Malta.
F’diskors tal-okkażjoni, il-President tkellmet fuq il-valuri tal-libertà, ugwaljanza u fraternità li jsawru l-Istat Franċiż, u fissrithom bħala ideali soċjo-politiċi li saż-żmien tal-lum għadhom jinfluwenzaw l-iżvilupp soċjali u demokratiku.
Il-President irrikonoxxiet il-kummerċ, it-turiżmu, il-kultura, l-edukazzjoni u r-riċerka bħala parti integrali mir-rabta bejn Malta u Franza, u esprimiet ix-xewqa taż-żewġ naħat li din ir-rabta tibqa’ tissaħħaħ u jiġi sfruttat il-potenzjal għal relazzjoni iktar b’saħħitha.
Il-President aċċennat ukoll għar-rwol ta’ Franza fuq livell internazzjonali, biex ikunu indirizzati sfidi globali bħall-kunflitti u l-bidla fil-klima, u esprimiet il-bżonn li l-pajjiżi kollha juru impenn favur soluzzjonijiet dejjiema mibnija fuq id-djalogu u l-kollaborazzjoni.


