Midja
L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, attendiet għaċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Nazzjonali tal-Istati Uniti.
Iċ-ċelebrazzjoni, organizzata mill-Ambaxxata tal-istati Uniti tal-Amerika f’Malta, fakkret ukoll il-250 anniversarju mid-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza fl-4 ta’ Lulju 1776.
Fid-diskors tagħha, il-President ta’ Malta tkellmet dwar 62 sena ta’ relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Istati Uniti, mibnija fuq prinċipji demokratiċi, valuri komuni u rispett reċiproku.
L-Eċċellenza Tagħha aċċennat ukoll il-kollaborazzjoni bilateri mifruxa f’diversi oqsma fosthom l-investiment, it-turiżmu, il-kultura u l-kooperazzjoni f’fora multilaterali fosthom fil-Kunsill tas-Sigurta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-OSCE.
Fost awtoritajiet oħra, għaċ-ċerimonja attendew ukoll l-Onorevoli Robert Abela, Prim Ministru ta’ Malta, l-Onorevoli Carmelo Abela, Speaker tal-Kamra tad-Deputati, l-Onorevoli Chris Fearne, Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, u l-Onorevoli Alex Borg, Kap tal-Oppożizzjoni.


