Midja
L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, attendiet għaċ-ċelebrazzjoni ta’ għeluq snin il-Majesta Tiegħu r-Re Charles III; il-Jum Nazzjonali tar-Renju Unit. Iċ-ċelebrazzjoni kienet organizzata mill-Kummissjoni Għolja tar-Renju Unit f’Malta.
F’diskors tal-okkażjoni, il-President ta’ Malta fissret din l-okkażjoni bħala opportunità li tiċċelebra r-relazzjoni dejjiema bejn Malta u r-Renju Unit, u espressjoni tal-impenn komuni li din il-ħbiberija tkompli tissaħħaħ b’risq il-pajjiżi u l-popli rispettivi.
L-Eċċellenza Tagħha elenkat il-kooperazzjoni bejn Malta u r-Renju Unit fil-kummerċ, it-turiżmu u l-kultura, aċċennat li r-Renju Unit hu d-dar ta’ eluf ta’ Maltin li għażlu li jgħixu fih, u rrikonoxxiet il-kollaborazzjoni tal-Gvern Ingliż biex tkun faċilitata l-kura speċjalizzata li mijiet ta’ Maltin jirċievu ta’ kull sena fi sptarijiet fir-Renju Unit.


