Midja

L-E.T. Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta, attendiet għal kunċert ta’ Jum il-Kottonera, li matulu ngħata Ġieħ il-Kottonera lil Charles Coleiro, għall-kontribut tiegħu lejn il-Kottonera, u l-impenn tiegħu favur il-lingwa u l-istorja Maltija.

Waqt li indirizzat lil dawk preżent, il-President ta’ Malta rrikonoxxiet l-impenn tal-Fondazzjoni Kottonera, li nħolqot u matul is-snin serviet l-iskop li tinħoloq riġenerazzjoni taż-żona, kif ukoll tippreserva u tħares l-identità storika ta’ din il-parti ta’ pajjiżna.

Il-President ħeġġet ukoll biex tkompli l-ħidma sabiex il-Kottonera tkompli tagħti opportunitajiet lir-residenti, ikompli jitħares il-karattru uniku tal-inħawi u biex jinżammu b’għożża t-tradizzjonijiet tal-bliet li jiffurmaw parti minnha.

Fi tmiem is-serata, li kienet organizzata mill-Fondazzjoni Kottonera, u saret fil-Kunvent Dumnikan tal-Lunzjata, fil-Birgu, il-President irċeviet donazzjoni b’risq il-ħidma tal-Malta Community Chest Fund.