Midja
L-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, attendiet għaċ-ċelebrazzjoni tas-Sena l-Ġdida Ċiniża, iddedikata liż-żiemel. Is-serata kienet organizzata fil-lukanda Grand Hotel Excelsior b’kollaborazzjoni mal-Ambaxxata Ċiniża f’Malta.
F’diskors tal-okkażjoni, il-President aċċennat ir-relazzjoni storika ta’ Malta maċ-Ċina, li tmur lura diversi snin, u esprimiet l-impenn ta’ Malta li din ir-relazzjoni tkompli titjieb u tissaħħaħ għall-ġid tal-popli rispettivi.
Il-President irreferiet fost oħrajn għall-kollaborazzjoni bilaterali fis-settur tal-edukazzjoni, li qed tħalli l-frott. Fost oħrajn tkellmet dwar il-ftehim bejn l-Istitut tal-Istudji Turistiċi ta’ Malta u x-Shanghai Industrial and Commercial Polytechnic fiċ-Ċina, li permezz tiegħu studenti Maltin u Ċiniżi qed iżuru l-pajjiżi rispettivi għal skambji edukattivi li jkattru l-għarfien kulinarju u kulturali tagħhom.





