Midja
L-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, attendiet iċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas immexxi minn Caritas Malta, fejn sitt persuni ċċelebraw it-tlestija tal-programm ta’ riabilitazzjoni li segwew matul l-aħħar xhur u snin.
Fil-messaġġ tagħha, il-President sellmet il-kuraġġ, il-perseveranza u d-determinazzjoni tal-gradwati, filwaqt li saħqet li din il-kisba tirrappreżenta pass importanti lejn bidu ġdid. Hija enfasizzat ukoll l-irwol kruċjali tal-Caritas li, permezz tal-appoġġ u l-gwida tagħha, tgħin lill-persuni jerġgħu jsibu posthom fis-soċjetà b’dinjità, reżiljenza u tama.
Matul iċ-ċerimonja, numru ta’ residenti mill-komunità tal-irġiel San Blas, mill-komunità taċ-ċentru terapewtiku tan-nisa Iris u mill-Persons in Prisons Therapeutic Community tellgħu preżentazzjoni artistika marbuta mat-tema taċ-ċerimonja, “Wasalt?”, li fissret it-tama u kuraġġ ta’ dawk kollha li qed jaffaċċjaw sfidi ta’ vizzji f’ħajjithom, iżda dawn l-isfidi, biex ikollhom bidu ġdid, irid jirnexxielhom jegħlbuhom.
Fi tmiem iċ-ċerimonja, il-President ta’ Malta, flimkien mal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi u d-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt, ippreżentaw iċ-ċertifikati lill-gradwati.
Għaċ-ċerimonja kien hemm preżenti wkoll il-Prim Ministru, l-Onorevoli Robert Abela.




