Midja
L-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, laqgħet lill-membri tal-Korp Diplomatiku akkreditat għal Malta fil-Palazz Presidenzjali tal-Belt Valletta, għall-awguri tradizzjonali tas-sena l-ġdida.
Fid-diskors tagħha, il-President irringrazzjat lill-Ambaxxaturi, Kummissarji Għolja u membri oħra tal-Korp Diplomatiku preżenti għax-xogħol li wettqu matul is-sena li għaddiet, u aċċennat l-impenn ta’ Malta li tkompli ssaħħaħ u ttejjeb ir-rabtiet eżistenti għall-benefiċċju reċiproku tal-pajjiżi rispettivi u ċ-ċittadini tagħhom.
Il-President enfasizzat l-importanza tad-djalogu mal-pajjiżi kollha, fl-isfond tas-sitwazzjoni internazzjonali, kif ukoll biex ikunu esplorati toroq ġodda ta’ kooperazzjoni f’setturi differenti.


