Midja

L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, attendiet għat-tnedija tal-programm ‘Reġjun Kulturali Port 2026′; programm kulturali b’inizjattivi ta’ arti, kultura u sport fil-lokalitajiet madwar il-Port il-Kbir.

F’diskors waqt iċ-ċerimonja uffiċjali, il-President ta’ Malta enfasizzat l-importanza tal-komunitajiet bħala l-qalb tħabbat tar-reġjuni tagħna, u l-ħidma tal-Kunsilli Lokali, għaqdiet u individwi biex il-kultura u l-aspetti tas-soċjetà Maltija jkunu preservati u msaħħa.

Tkellmet ukoll fuq l-importanza storika tar-Reġjun Port, li matul is-snin għadda minn avvenimenti storiċi, partikolarment it-Tieni Gwerra Dinjija, li tat il-lok sabiex ir-Reġjun jingħata attenzjoni, partikolarment ħalli ż-żona tkun riġenerata ekonomikament, kulturalment u soċjalment.

Fl-aħħar tad-diskors tagħha, il-President fissret lill-Kunsilli Lokali bħala l-ewwel rappreżentanza tan-nies tal-lokalitajiet, u aċċennat li lkoll kemm huma flimkien huma rappreżentazzjoni diretta tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Il-President qalet li għalhekk kull attivita fil-lokalitajiet tagħna għandha tkun mezz li tgħaqqad, u biex tgħaqqad, trid tinkludi u timpenja lil kulħadd, għaliex is-suċċess li jinkiseb għandu jkun jappartjeni lil, u jkun riżultat tal-ħidma kollettiva ta’ kulħadd.