Midja
Waqt serata organizzata mill-Fondazzjoni RISe fil-Palazz ta’ Sant’Anton, l-E.T. Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta, qassmet ċertifikati ta’ rikonoxximent lil eks priġunieri li temmew b’suċċess il-programm ta’ rijabilitazzjoni ta’ din il-Fondazzjoni.
F’diskors waqt is-serata li saret taħt il-patroċinju tagħha, il-President irrikonoxxiet il-ħidma ta’ RISe biex persuni li jkunu ħallsu ta’ għemilhom jidħlu lura fis-soċejetà bħala membri sħaħ tagħha, li jikkontribwixxu għall-ġid tagħhom, tal-familji tagħhom u l-ġid komuni.
Il-President faħħret ukoll il-kuraġġ u l-impenn ta’ dawn il-persuni li għarfu jħallu l-passat warajhom biex jibdew vjaġġ ġdid u kontinwu li jiddetermina l-futur tagħhom.
Għas-serata attendew fost l-oħrajn il-Ministru Jonathan Attard, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg u x-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni David Agius.




