Midja
F’ċerimonja li saret fil-Kastell Verdala taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, ġew ippremjati uffiċjali pubbliċi li spikkaw f’ħidmiethom.
L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono tat ukoll rikonoxximent speċjali lil rappreżentanti ta’ entitajiet u dipartimenti tal-Gvern li wrew dedikazzjoni, impenn u professjonalità waqt u wara il-maltempata magħrufa bħala “Storm Harry” f’Jannar li għadda.
Fid-diskors tagħha, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono rrikonoxxiet lill-uffiċjali tas-Servizz Pubbliku għas-servizz tagħhom lejn il-pubbliku, u l-ħidma kontinwa li qed issir sabiex dan is-servizz ikompli jissaħħaħ, jiġġedded u jwieġeb aħjar għar-realtajiet tal-lum.
Waqt li ndirizzat lill-uffiċjali preżenti għal din is-serata, il-President tkellmet dwar il-kompetenza teknika, l-imparzjalità, il-lealtà lejn il-Kostituzzjoni u r-rispett lejn il-prinċipji demokratiċi li għandu jkollhom il-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku fil-ħidma tagħhom, u l-prinċipji ta’ etika, trasparenza u kontabilità li għandu jkun imsejjes fuqhom is-Servizz Pubbliku biex ikompli jaqdi l-missjoni tiegħu, waqt li ċ-ċittadini jiġu trattati b’dinjità u rispett.



