Midja
Il-Malta Community Chest Fund u l-familja Schiavone se jorganizzaw it-tieni edizzjoni tal-attività Cycling with Jack, li tfakkar il-memorja taċ-ċiklist Jack Schiavone waqt li jinġabru fondi b’risq dawk fil-bżonn.
Jack ħalla din id-dinja wara battalja mal-kanċer, li matulha kien assistit mill-Malta Community Chest Fund. Kien għalhekk li martu Caroline, flimkien ma’ wliedha, ħarġu bl-idea ta’ Cycling with Jack biex ifakkaru l-memorja tiegħu u jroddu lura lis-soċjetà b’rikonoxximent tal-għajnuna li sabu matul il-perjodu diffiċli tal-mard.
L-E.T. Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta rrikonoxxiet inizjattivi bħal Cycling with Jack, li jsiru fuq idea ta’ familji li ġew fil-bżonn u li jaħdmu biex iroddu lura l-għajnuna li rċivew.
“Għandna jiġu l-qraba ta’ dawk li ġew bżonn l-għajnuna u jitolbuna biex issa jkunu huma li jgħinu lil ħaddieħor. Caroline hi eżempju ċar ta’ kif noħolqu katina ta’ persuni li jgħinu lil xulxin, u j’Alla l-eżempju tagħha jiħduh oħrajn. Il-poplu għandu jikkopera u jieħu sehem f’dawn l-attivitajiet, biex il-ġid inkattruh.”
Matul l-attività, li se ssir fit-28 ta’ Settembru, iċ-ċiklisti se jaqdfu mill-Kulleġġ Santa Klara, f’Pembroke, sa Manoel Island u lura. Dan waqt li fil-Kulleġġ Santa Klara se jkun hemm attivitajiet u divertiment għall-familja kollha.
Ir-reġistrazzjoni għaċ-ċiklisti li jixtiequ jaqdfu mill-Kulleġġ Santa Klara sa Manoel Island u lura tinsab miftuħa u wieħed jista’ japplika fuq is-sit www.mccf.store


