Midja
L-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, laqgħet lil Stephen Hill, President tal-Istitut Internazzjonali għall-Ġustizzja u l-Istat tad-Dritt (IIJ) għal laqgħa ta’ tislima fi tmiem il-mandat tiegħu.
Waqt din il-laqgħa, Hill tkellem dwar il-ħidma tiegħu fi ħdan l-IIJ tul it-tlett snin tal-mandat tiegħu. Irrimarka li din l-organizzazzjoni rnexxielha tikber b’mod b’saħħtu tul dawn l-aħħar ħdax-il sena, grazzi għall-opportunitajiet ta’ taħriġ u networking lill-prattikanti tal-ġustizzja kriminali minn madwar id-dinja kollha.
Huwa saħaq dwar l-importanza ta’ din l-organizzazzjoni, speċjalment fir-rigward ta’ kriżijiet f’pajjiżi u reġjuni differenti madwar id-dinja, fejn il-ġlieda kontra t-terroriżmu tibqa’ fuq nett tal-aġenda tal-IIJ.
Min-naħa tagħha, il-President irringrazzjatu tal-ħidma tiegħu fi ħdan din l-organizzazzjoni u awguratlu għall-pass li jmiss fil-karriera tiegħu.
Matul il-laqgħa, Hill kien akkumpanjat minn Reinhard Uhrig, Direttur tal-Amministrazzjoni u Outreach, Naoufel Gaid, Direttur tal-Academic Unit fi ħdan l-IIJ, kif ukoll Mike Grant, li hu d-Direttur tal-Programmi.

