Il-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, għamlet żjara uffiċjali fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO). Id-delegazzjoni tal-President ġiet milqugħa mill-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, u mid-Deputat Awditur Ġenerali, is-Sur Noel Camilleri.
F’laqgħa mal-ogħla uffiċjali tal-NAO, l-Eċċellenza Tagħha ngħatat spjegazzjoni dettaljata tal-ħidma tal-Uffiċċju u tipi ta’ awditi differenti li jsiru minn dan l-uffiċċju skont il-mandat kostituzzjonali tiegħu.
Fid-diskors li għamlet f’din l-okkażjoni, il-President ta’ Malta qalet li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika huwa parti mill-format demokratiku ta’ pajjiżna u jikkontribwixxi għas-saltna tad-dritt.
Il-President aċċennat ukoll li l-iskrutinju li jsir minn dan l-Uffiċċju jsaħħaħ il-kontabilità u l-governanza, u għandu jsir b’mod oġġettiv, imparzjali u mingħajr ma jkun mittiefes minn influwenzi esterni.
L-Awditur Ġenerali, filwaqt li rringrazzja lill-Eċċellenza Tagħha għal din l-ewwel żjara tagħha f’dan l-Uffiċċju, stqarr li t-tmexxija u l-istaff kollu tal-NAO huma impenjati li jibqgħu jagħtu l-aqwa servizz possibbli biex tissaħħaħ dejjem aktar il-governanza tajba fis-settur pubbliku, fl-aqwa interess taċ-ċittadini kollha. L-Awditur Ġenerali enfasizza l-bżonn fundamentali li r-rapporti li jsiru minn dan l-Uffiċċju kostituzzjonali jibqgħu dejjem ikunu bbażati fuq il-valuri ewlenin ta’ integrità, oġġettività u imparzjalità sħiħa. Is-Sur Deguara faħħar l-impenn sħiħ u kostanti tal-impjegati kollha ta’ dan l-Uffiċċju għax huma dedikati, serji u professjonali, li jikkonstitwixxi l-aqwa riżorsa li għandu l-NAO.
L-Eċċellenza Tagħha, il-President ta’ Malta, sabet ukoll il-ħin biex tindirizza l-membri kollha tal-istaff tal-NAO u turi l-apprezzament tagħha għall-ħidma tagħhom. Hawnhekk ittieħdet l-okkażjoni biex l-Eċċellenza Tagħha ppreżentat mementos lil dawk l-impjegati tal-NAO li waslu biex jirtiraw fil-futur qrib.
Fi tmiem iż-żjara, l-Awditur Ġenerali ppreżenta lill-President b’donazzjoni b’risq il-ħidma tal-Malta Community Chest Fund, miġbura mill-attivitajiet organizzati għall-impjegati, u donazzjonijiet tagħhom.
L-Eċċellenza Tagħha kienet akkumpanjata mis-Sinjura Moira Attard, Segretarju tal-Presidenza, is-Sur Reuben Sciberras, Kap tas-Segretarjat; u l-Aide-de-Camp il-Maġġur Richard Vassallo.