Il-Ġimgħa filgħodu l-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, żaret lill-impjegati kollha tal-Awtorità tal-Artijiet fil-Berġa tal-Baviera, il-Belt Valletta.
F’messaġġ qasir li għaddiet, il-President bdiet billi rringrazzjat lill-ħaddiema tal-awtorità għad-dedikazzjoni tagħhom fil-ħidma li jwettqu ta’ kuljum.
Il-President saħqet kif l-artijiet u proprjetajiet immobbli li jaqgħu taħt l-irwol tal-awtorità għandhom jintużaw għall-ġid tal-poplu sabiex il-frott tagħhom jitgawda minn kulħadd; “dan ifisser illi l-iskop ta’ kull konċessjoni jkun biex ikattar il-ġid tal-popli kollu b’mod u manjiera illi l-aġir tal-Awtorità jkun dejjem imnebbaħ minn skop soċjali, bil-ġid komuni fuq quddiem.”
Il-President tat eżempju fejn il-Gvern ta l-opportunità lill-familji biex proprjetajiet immobbli, suġġett għal ċens temporanju, jiġu mifdija u jsiru liberi u franki; b’kundizzjonijiet favorevoli fejn tidħol ir-residenza ordinarja ta’ familja. Opportunità li qiegħda hemm ukoll għal residenza sekondarja jew ta’ villeġġjatura li iżda għandha kundizzjonijiet differenti għax l-importanza dejjem tingħata lil residenza primarja.
Fil-messaġġ tagħha, l-E.T. Myriam Spiteri Debono, qalet kif l-artijiet tal-Gvern, jew aħjar tal-poplu, qegħdin hemm ukoll biex l-organizzazzjonijiet kulturali u sportivi jiġu mgħejuna u jkunu ta’ servizz akbar fil-ħajja tal-komunitajiet lokali. Hawn elenkat kif il-patrimonju immobbli tal-poplu jista’ jintuża wkoll għat-tkabbir ta’ industriji li huma sisien tal-ekonomija ta’ pajjiżna.
Il-President innutat kif ċertu każijiet li jfeġġu, jistgħu jxellfu l-fiduċja tal-poplu fil-ġestjoni tal-patrimonju immobbli ta’ pajjiżna, u kien hawn li appellat kif “huwa importanti mmens illli l-proċeduri ta’ kif isiru l-evalwazzjonijiet ikunu trasparenti, u jidher fil-beraħ li jingħata piż lill-kundizzjonijiet li jwasslu għal deċiżjonijiet fl-aqwa interess tal-poplu tagħna.”
Il-messaġġ spiċċa billi l-President indirizzat b’mod dirett lill-impjegati tal-awtorità sabiex “ikunu kburin li r-responsabbilità tagħhom iwettquha b’impenn, fedeltà u dedikazzjoni.”
Aqra d-diskors sħiħ hawn: https://president.gov.mt/mt/diskorsi/il-president-tindirizza-lill-impjegati-tal-awtorita-tal-artijiet/