L-Erbgħa filgħodu, Ambaxxatur residenti u żewġ Ambaxxaturi mhux residenti ppreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta.
Dawn huma:
- L-Eċċellenza Tagħha Somers White Farkas, Ambaxxatriċi tal-Istati Uniti;
- L-Eċċellenza Tagħha María José Argaña, Ambaxxatriċi tar-Repubblika tal-Paragwaj;
- L-Eċċellenza Tiegħu Andy Detaille, Ambaxxatur tar-Renju tal-Belġju.
Fil-laqgħa bejn l-Ambaxattriċi Amerikana u l-Eċċellenza Tagħha, iż-żewġ naħat enfasizzaw ir-rabtiet sodi u b’saħħithom bejn Malta u l-Istati Uniti li huma mibnija fuq rispett reċiproku, valuri komuni, u impenn lejn il-paċi u l-prosperità internazzjonali.
Fuq livell bilaterali, id-diskussjonijiet iffukaw fuq il-modi kif jissaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi, billi jiġi mħeġġeġ l-iskambju, u jiġu esplorati opportunitajiet ġodda ta’ kollaborazzjoni f’diversi setturi, fosthom il-konnettività u n-negozju.
Fil-laqgħa mal-President ta’ Malta, l-Ambaxxatriċi tal-Paragwaj tkellmet dwar il-karatteristiċi simili li jeżistu bejn Malta u l-Paragwaj bħala Stati żgħar attivi ħafna fuq skala multilaterali. Hija esprimiet apprezzament għar-rwol u l-isforzi ta’ Malta fil-fora multilaterali.
Waqt il-laqgħa ġie diskuss il-potenzjal ta’ żvilupp ta’ opportunitajiet, b’mod speċjali permezz ta’ inizjattivi għaż-żgħażagħ u fl-edukazzjoni, inkluż l-istudji tal-lingwi u programmi ta’ skambju kulturali.
L-Ambaxxatur tar-Renju tal-Belġju, innota l-impenn ta’ Malta għall-ħidma fl-isfera multilaterali, speċjalment fil-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà, filwaqt li esprima l-impenn tiegħu li jkompli jħeġġeġ għal aktar opportunitajiet ta’ kummerċ u negozju bejn Malta u l-Belġju, u kooperazzjoni fl-oqsma tal-Unjoni Ewropea u wkoll fil-fora bilaterali.
Il-President Spiteri Debono awgurat lill-Ambaxxaturi għall-ħatra tagħhom.