Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

Żewġ ambaxxaturi ġodda jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-President ta’ Malta

Żewġ Ambaxxaturi ppreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta.

Dawn huma:

L-Ambaxxatriċi tar-Repubblika Taljana l-Eċċellenza Tagħha Valentina Setta,

u

L-Ambaxxatur tar-Repubblika tal-Armenja l-Eċċellenza Tiegħu Vladimir Karapetyan.

Meta ppreżentat il-Kredenzajli lill-Eċċellenza Tagħha, l-Ambaxxatriċi tar-Repubblika tal-Italja tkellmet dwar ir-relazzjonijiet eċċellenti bejn l-Italja u Malta. Hija saħqet fuq l-impenn tal-missjoni tagħha li ssaħħaħ din ir-rabta, partikolarment fl-oqsma tad-diplomazija, il-kultura, u l-edukazzjoni, ewlieni fosthom it-tagħlim tal-lingwa Taljana f’Malta.

L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono rrikonoxxiet l-apprezzament ta’ Malta għall-kooperazzjoni tal-Italja f’oqsma diversi, mill-bidu tar-relazzjonijiet, u aċċennat b’mod partikolari għall-kooperazzjoni fis-settur tal-enerġija.

Il-President irriflettiet ukoll fuq il-laqgħa riċenti tagħha mal-President Sergio Mattarella, li matulha ż-żewġ naħat iddiskutew kwistjonijiet urġenti bħas-sigurtà Ewropea. Filwaqt li tenniet il-pożizzjoni newtrali ta’ Malta, hija rrikonoxxiet ir-rwol attiv tal-pajjiż fis-salvagwardjar u promozzjoni tal-paċi u tad-drittijiet umanitarji — prinċipji li jimxu fuq l-istess binarji tal-objettivi tal-politika barranija tal-Italja.

L-Ambaxxatur tar-Repubblika tal-Armenja esprima d-determinazzjoni tiegħu li jikkontribwixxi u jmexxi diskussjonijiet sabiex tissaħħaħ ir-relazzjoni bilaterali bejn l-Armenja u Malta. Huwa nnota kif żjarat reċiproċi mill-Ministri għall-Affarijiet Barranin taż-żewġ pajjiżi, inkluża ż-żjara tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti fl-Armenja s-sena l-oħra, jikkontribwixxu għal dan it-tisħiħ.

L-E.T. Myriam Spiteri Debono tkellmet dwar l-isfidi fir-reġjun filwaqt li rrimarkat l-importanza li pajjiż bħall-Armenja għandu jaħdem b’mod attiv għall-paċi u l-istabbiltà, biex ikun jista’ jħalli l-influwenza meħtieġa fuq skala multilaterali.

Matul il-laqgħat, il-President Spiteri Debono ferħet lill-Ambaxxaturi għall-ħatra tagħhom.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.